January 17, 2018 at 1:35 pm
Kjarifiċi dwar il-Ftehim Settorali – Konferenza Stampa mill-Malta Union of Teachers
– Il-Malta Union of Teachers għaddiet minn proċess intensiv li matulu kienet qegħda f’diskussjoni mal-Gvern sabiex jintlaħaq qbil dwar il-ftehim settorali għall-gradi kollha tal-edukaturi. Din l-amministrazzjoni bdiet in-negozjati minn Lulju li għadda u matul dan iż-żmien kienet kontinwament f’kuntatt ma’ membri u rappreżentanti fis-setturi inkluż il-membri tal-Kunsill sabiex dak li jiġi diskuss jirrifletti l-ħtiġijiet tal-membri. Kien hemm diversi proposti tal-gvern li ġew imwarrba jew imtejba b’mod konsiderevoli matul dan il-proċess filwaqt li l-amministrazzjoni l-ġdida tal-MUT għamlet sensiela ta’ proposti ġodda, li issa huma nklużi fil-ftehim, u li jinkludu li kull grad għandu l-opportunita’ li jidħol fi skala ġdida. Din hija ħaġa li ma kienet qatt ikkontemplata qabel ma reġgħu ġew ri-attivati n-negozjati.
– Barra minn dan hemm numru ta’ benefiċċji li ser jiġu spjegati f’iktar dettall lill-membri. Dawn huma uħud minnhom:
– Work Resources Fund u allowances oħra
– Introduzzjoni ta’ allowance għall-Supply u fir-Resource Centres u Learning Centres, u allowance għal min hu shared f’iktar minn skola waħda
– Żdied l-iSpecial Leave u l-possibilta’ li dan jittieħdet mal-vaganzi
– Żdied in-numru ta’ vaganzi
– It-taħriġ kollu ser isir fil-ħin tax-xogħol
– Reviżjoni tan-numru ta’ studenti fil-klassi
– Limitu tan-numru ta’ skemi ta’ tagħlim li jista’ jkollu għalliem
– Ratios aħjar ta’ superviżjoni
Apparti hekk hemm numru ta’ diċeriji li qegħdin jingħadu, fosthom li ser jitwalu l-ħinijiet tal-iskola u li xi gradi ser jintalbu li jirrapurtaw għax-xogħol fis-sajf, li ser jitkeċċew xi LSAs u li mhux ser jitħallew jagħmlu Supervision fil-break. L-MUT tiċħad dan kollu u tistieden lill-membri sabiex jiċċaraw il-vera informazzjoni x’inhi.
– Rigward id-direttivi tal-publikazzjoni tal-ftehim, tajjeb li niċċaraw li l-MUT kellha direttiva mill-gvern sabiex ma tippublikax il-ftehim milħuq online. L-MUT ipprintjat dan il-ftehim kif sar fi ftehim preċedenti iżda hawnhekk ukoll il-gvern insista li l-financials ma jkunux inklużi. Dan ġie interpretat minn xi wħud bħala deċiżjoni tal-MUT meta fil-fatt ma kienx il-każ. L-istess jingħad għall-persentaġġi li l-MUT kellha toħroġ fil-konsultazzjoni, fejn hawnhekk ukoll il-Union ma tħallietx toħroġ il-figuri iżda biss persentaġġi. L-MUT qegħdha titlob investigazzjoni dwar kif l-istess direttiva tal-gvern inkisret minnu stess.
– Dwar il-persentaġġi, il-Union tikkonferma li l-persentaġġi li ħarġu ser jintlaħqu kollha fuq 5 snin kif riprodott fil-paġni annessi, li hija eżempju ta’ għalliem ġdid u għalliem b’numru ta’ snin ta’ esperjenza. Dawn huma simili ħafna għall-gradi oħra. Il-Union tenfazizza wkoll li dejjem saħqet li l-ftehim settorali hu mibni fuq dak kollettiv taċ-ċivil li nnegozjat l-istess Union flimkien ma’ Unions oħra u ż-żidiet ma setgħux jinħadmu b’mod separat. Din hija l-passi normali.
– Kuntrarju għal dak li qed jiġi allegat, jiġifieri li l-membri tal-Kunsill qatt ma raw u vvutaw fuq id-dokument tal-pakkett finanzjarju qabel ma ġie ffirmat, il-Union tiċħad kategorikament din l-allegazzjoni. Id-dokument ġie moqri kelma b’kelma mill-Kunsill inkluż il-pakkett finanzjarju u wara ttieħed vot li għadda b’maġġoranza assoluta. Il-membri tal-Kunsill, li kienu preżenti għall-konferenza stampa, kollha jikkonfermaw dan kollu.
– Rigward ir-riżenji, il-Union ġiet infurmata minn dawn it-tliet membri tal-Kunsill, liema riżenji ġew aċċettati. Dawn il-membri ilhom mill-bidu tal-amministrazzjoni preżenti jagħmlu l-bsaten fir-roti u issa jidher ċar li kellhom skopijiet ulterjuri u aġendi personali. Ix-xnihat li qegħdin ixerrdu huma foloz u qed iservu biss sabiex jimminaw is-saħħa tal-Union għad-detriment tal-edukaturi. Il-Union taċċetta li jkun hemm kritika kostruttiva imma ma taċċetta qatt li jsiru attakki u allegazzjonijiet personali fuq l-integrita’ u l-onesta’ tal-uffiċjali u l-membri tal-Kunsill. Hija ser tkun viġilanti u qed tieħu l-passi kollha neċessarji f’dan ir-rigward.
Finalment l-MUT ser tkun qed tkompli tispjega l-kisbiet tal-ftehim permezz ta’ inizjattivi differenti. Il-Union hija kommessa li timplimenta dan il-ftehim settorali u llum stess għandha laqgħa oħra mal-Ministeru sabiex iseħħ dan.