January 10, 2021 at 11:18 am
Tweġiba għal kummenti fil-konfront tal-MUT u l-edukaturi
Din il-ġimgħa ntqalu eluf ta’ kummenti fil-konfront tal-edukaturi u tal-MUT. B’umiltà qegħdin nirriproduċu xi ftit mill-aktar li nkibtu bi tweġiba għalihom.
“Ridtu tagħmlu naqra ħoss”
F’nofs pandemija dinjija, l-MUT il-ħin kollu qegħdha titlob assigurazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jekk l-iskejjel jiftħu fiżikament dan ikun mingħajr detriment għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal, edukaturi u l-familji. Dak hu li għamilna u li ser nibqgħu nagħmlu għaliex l-interess tagħna hu ċar.
“L-istrajk sar għalxejn”
Altru minn hekk. Kif l-MUT saret taf li uffiċjal għoli tas-saħħa ta’ parir sabiex l-iskejjel ma jinfetħux nhar il-Ħamis 7 u l-Ġimgħa 8 ta’ Jannar, liema parir intlaqa’ mill-iskejjel tal-Knisja u ħafna mill-iskejjel indipendenti, l-MUT għamlet talba lill-Gvern sabiex l-ewwel jumejn ikunu online iżda din ma ġietx aċċettata. Fid-dawl tal-konferma li ħarġet waqt l-istess laqgħat f’Kastilja, li kkonfermat korrispondenza b’dan il-parir, ġie kkonfermat ukoll li l-azzjoni li ttieħdet kienet neċessarja. Din hi prova biċ-ċar li l-Union lesta tieħu l-azzjonijiet kollha li hemm bżonn sabiex tipproteġi lit-tfal, lill-edukaturi u lill-familji.
“Imma f’daqqa waħda dortu”
Din m’hija veru xejn. L-MUT ddikjarat strajk ta’ jumejn u ma ddikjarat l-ebda strajk indefinit. Il-Ġimgħa waqt il-laqgħat, l-MUT flimkien ma’ rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u dawk tal-iskejjel indipendenti, smajna l-argumenti kollha u rajna l-evidenza miġjuba mill-esperti fil-qasam tas-saħħa u kien hemmhekk li kulħadd qabel mal-parir tal-esperti li l-iskejjel jistgħu jiftħu t-Tnejn 11 ta’ Jannar. Id-deċiżjoni tinkludi numru ta’ kundizzjonijiet kif ġew elenkati. Dan ma jfissirx li s-sitwazzjoni ma tistax terġa’ tinbidel, u kien għalhekk li qbilna li nerġgħu nibdew il-working group li nħoloq Marzu li għadda sabiex l-MUT tibqa’ f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet.
“Fejn jaqblilkom biss temmnu lill-esperti”
Id-dubji tal-MUT qatt ma kienu rigward jekk għandniex nemmnu lill-esperti iżda jekk dak li qalu l-esperti huwiex qiegħed jittieħed bis-serjetà mill-Ministeru tal-Edukazzjoni meta fl-istess ħin l-iskejjel tal-Knisja u ħafna mill-iskejjel indipendenti ħadu bl-ikbar serjetà l-parir li ngħata. Mill-bqija, ir-relazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa huma kordjali u l-MUT m’għandha xejn ħlief tifħir lejn ix-xogħol kbir li qegħdin jagħmlu f’din is-sitwazzjoni xejn sabiħa tal-pandemija.
“Il-każijiet għadhom għoljin”
L-MUT qegħdha f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet tas-saħħa ħalli nwasslu l-leħen u l-ħsibijiet tal-membri filwaqt li naraw li l-affarijiet mexjin fl-aħjar interess ta’ kulħadd. Għaldaqstant, bħalissa qed nimxu dejjem ġurnata b’ġurnata. L-appell tal-MUT lill-membri, edukaturi u lis-soċjetà kollha hu li nkomplu nimxu mal-protokolli tas-saħħa f’kull waqt. B’hekk biss in-numru jinżlu u nserrħu moħħna aktar li s-sitwazzjoni ser titjieb.
“Dan kien strajk politiku”
L-MUT tirċievi dawn il-kummenti bla bażi minn individwi miż-żewġ naħat minn żmien għal żmien, ħafna drabi fl-istess ħin minn nies tal-kampi opposti skont x’jaqbel lil min jgħidhom. Ovvjament il-verità hi li l-MUT taġixxi fl-interess tal-membri hu min hu l-gvern tal-ġurnata.
“Kulħadd jogħġbu long weekend”
L-MUT tikkundanna bil-qawwa kollha l-kliem dispreġġjattiv kollu li ntqal kontra l-edukaturi f’dawn il-jiem. Kienet xi ħaġa tal-mistħija li tara lil ħafna, li minflok jingħaqdu sabiex noħorġu minn din il-pandemija b’saħħitna, aktar moħħhom biex joffendu b’hate speech kontinwu u jmaqdru lill-edukaturi b’aġġettivi u argumenti bla bażi. L-edukaturi jisħoqqilhom l-aqwa tifħir tax-xogħol tagħhom, kemm dak edukattiv u anki l-preparazzjoni kollha straordinarja li għamlu minħabba l-protokolli tas-saħħa.
“Ma jimpurtakomx mit-tfal tagħna”
Kull ma sar kien sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, nipproteġu lil pajjiżna mill-imxija tal-COVID-19. U dan jinkludi l-protezzjoni lit-tfal, lill-ġenituri u l-familji. Flimkien biss nistgħu ngħelbu din l-isfida ħalli nerġgħu naslu li jkollna jiem sbieħ li fihom il-pandemija tkun xi ħaġa tal-passat. Nifhmu li l-pjanijiet ta’ ħafna kellhom jinbidlu fi ftit sigħat minħabba dak li ġara u kif seħħu l-affarijiet. Biss naċċertawkom li l-MUT, f’isem l-edukaturi, ma tixtieq xejn ħlief li t-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom l-aqwa edukazzjoni kif jixraqilhom ħalli jikbru f’adulti ċittadini responsabbli mill-futur tal-pajjiż u tad-dinja.