info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Tilwima industrijali u strajk ta’ jumejn – MUT

January 6, 2021 at 8:02 pm

Tilwima industrijali u strajk ta’ jumejn – MUT

B’referenza għall-komunikazzjoni maħruġa aktar kmieni llum mill-MUT, fejn il-union żvelat li l-Ministeru tal-Edukazzjoni njora pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa dwar il-ftuħ tal-iskejjel, l-MUT issostni li:

– L-awtoritajiet tas-saħħa fl-ebda ħin ma ċaħdu li kien hemm dan il-parir;
– Il-Ministeru tal-Edukazzjoni baqa’ mistoħbi fid-dawl tas-sitwazzjoni;
– Aktar skejjel, inkluż dawk tal-Knisja, qed jagħżlu li ma jiftħux il-bibien tagħhom minn għada l-Ħamis 7 ta’ Jannar, b’referenza ċara għall-pariri li qed jingħataw.

Il-ftuħ tal-iskejjel, f’ġurnata fejn kien hemm rekord ġdid ta’ każijiet pożittivi li jinkludu wkoll numru ta’ tfal kif kien ikkonfermat mill-awtoritajiet tas-saħħa, ipoġġi lill-edukaturi, l-istudenti u l-familji rispettivi tagħhom f’riskju ċar. L-indikazzjonijiet li għandha l-MUT, kif wara kollox intqal waqt il-konferenza stampa ta’ llum, huma li pajjiżna beda jesperjenza ż-żieda sostanzjali ta’ każijiet pożittivi li kienet mistennija minħabba l-perjodu tal-festi, l-varjant il-ġdid u l-kesħa. Dawn il-fatturi m’humiex ta’ serħan il-moħħ li l-miżuri tal-protokolli li qed jiġu mħaddma fl-iskejjel ser ikunu biżżejjed sabiex iħarsu s-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd.

F’laqgħa li ssejħet illejla f’Kastilja l-MUT ipproponiet li jkun hemm jumejn ta’ tagħlim online għall-istudenti fl-iskejjel tal-istat. Dan sabiex tinżamm l-istess direzzjoni u ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn settur u ieħor filwaqt li tiġi evalwata ż-żieda allarmanti fil-każijiet li l-awtoritajiet tas-saħħa stess ammettew li għadhom qed janalizzaw. Madanakollu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan ser ifisser li l-edukaturi m’humiex ser jitħallsu. Għaldaqstant l-MUT ma kelliex triq oħra ħlief li b’responsabbiltà fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni bla preċedent, tiddikjara tilwima industrijali mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. L-MUT qed tordna din l-azzjoni industrijali lill-edukaturi kollha fl-iskejjel kollha tal-istat, dawk indipendenti li ma marrux diġà għal tagħlim online, kif ukoll f’istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji:

L-MUT qed tordna strajk ta’ jumejn sabiex il-gradi msemmija ma jirraportawx fl-iskejjel għada l-Ħamis 7 ta’ Jannar u l-Ġimgħa 8 ta’ Jannar.

Comments are closed.