info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Stqarrija: L-MUT tordna azzjonijiet industrijali fl-iskejjel kollha tal-Istat u tal-Knisja – Tħabbar ukoll strajk ta’ ġurnata

November 10, 2023 at 10:40 am

Stqarrija: L-MUT tordna azzjonijiet industrijali fl-iskejjel kollha tal-Istat u tal-Knisja – Tħabbar ukoll strajk ta’ ġurnata

Wara taħditiet li ilhom għaddejjin disa’ xhur, l-MUT qed tħabbar li n-negozjati mal-gvern dwar il-pakkett finanzjarju tal-ftehim settorali ġdid għall-edukaturi fallew. Dan ġara wara li l-gvern wera biċ-ċar li ma kienx lest li jagħti żidiet sostanzjali lill-edukaturi, bħalma kien wiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Din il-wegħda, li ġiet ripetuta kemm-il darba, kemm waqt il-kampanja elettorali tal-2022 kif ukoll fix-xhur ta’ wara, ma ntesietx la mill-MUT u lanqas mill-edukaturi. L-edukaturi kollha qed jistennew li issa l-gvern juri kemm jistma lill-edukaturi u lis-settur bil-fatti.

L-MUT ingħatat żewġ proposti finanzjarji mill-gvern iżda dawn ġew irrifjutati immedjatament, għax l-MUT rat li dak li kien propost kien ser jinsulta lill-edukaturi minflok ma jirrikonoxxi l-ħidma tagħhom. Minflok ma ġie bi proposta riveduta, ftit tal-jiem ilu l-gvern ħassar il-laqgħat li kien hemm skedati. Jekk il-gvern biħsiebu jmexxi s-settur edukattiv biċ-cheap labour, ser isib lill-MUT fuq quddiem nett sabiex topponi u tħares l-interessi tal-edukaturi. L-edukaturi qed jagħmlu d-doppju tax-xogħol li kien isir sa ftit snin ilu, grazzi wkoll għal riformi li ma jiqfux, klassijiet ippakkjati b’livelli differenti, l-isfidi marbuta maż-żieda fil-popolazzjoni, assessjar kontinwu u nuqqas ta’ riżorsi fost l-oħrajn.

Il-gvern għandu għażla quddiemu: jew jimxi mal-assigurazzjonijiet li ta qabel u wara l-elezzjoni ġenerali, li jtejjeb sostanzjalment il-pakkett finanzjarju u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi, inkella, jekk jagħżel, minflok, li jikser kelmtu u jibqa’ ma jirrikonoxxix u ma jsostnix il-ħidma tal-edukaturi, ser isib l-MUT b’azzjonijiet industrijali bla preċedent, sabiex tissalvagwardja l-ħidma tal-edukaturi.

Aktar kmieni matul din il-ġimgħa l-MUT iddikjarat tilwima industrijali mal-gvern u nnotifikat ukoll lill-awtoritajiet tal-Knisja. L-MUT dalwaqt ser tinforma lill-membri fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja dwar l-azzjonijiet industrijali li ser jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn 13 ta’ Novembru. Dawn l-azzjonijiet industrijali jinkludu strajk ta’ ġurnata għall-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja, li ser iseħħ it-Tnejn 27 ta’ Novembru.

Żmien l-istennija issa wasal fi tmiemu. Jeħtieġ li l-edukaturi kollha jsemmgħu leħinhom permezz tal-azzjonijiet industrijali li ser jidħlu fis-seħħ, filwaqt li jappoġġjaw lill-MUT fi kwistjoni li ser tiddetermina l-futur tas-settur edukattiv f’pajjiżna. L-MUT ser tkun qed tagħmel dak kollu li hu mistenni minnha sabiex il-professjoni tal-edukaturi tkun stmata bil-fatti u l-edukaturi jiksbu dak li jixirqilhom.

Comments are closed.