info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
L-istrajk tal-MUT suċċess kbir – l-MUT tistenna li l-analiżi tas-sitwazzjoni li ssemmiet mill-awtoritajiet tas-saħħa ssir minnufih

January 7, 2021 at 9:43 am

L-istrajk tal-MUT suċċess kbir – l-MUT tistenna li l-analiżi tas-sitwazzjoni li ssemmiet mill-awtoritajiet tas-saħħa ssir minnufih

L-MUT tinstab f’pożizzjoni li tiddikjara li l-istrajk li beda dalgħodu fl-iskejjel huwa ta’ suċċess kbir. Dan juri biċ-ċar li l-edukaturi m’humiex lesti li jitmexxew fid-dlam minn Ministru irresponsabbli meta s-sitwazzjoni tal-pandemija timmerita analiżi u azzjoni, kif qalu l-awtoritajiet tas-saħħa stess fil-konferenza stampa tal-bieraħ, sabiex kulħadd ikollu s-serħan tal-moħħ li l-iskejjel huma siguri. L-MUT, għaldaqstant, tappella lill-awtoritajiet tas-saħħa u dawk edukattivi sabiex minnufih issir l-analiżi tas-sitwazzjoni tal-pandemija u l-effetti fuq l-edukaturi, it-tfal u l-familji, sabiex dawn jirritornaw għat-tagħlim b’mod fiżiku bil-miżuri kollha meħtieġa.

L-MUT tikkundanna l-pożizzjoni tal-Ministru tal-Edukazzjoni, fejn b’mod mill-aktar irresponsabbli baqgħet tgħid li l-iskejjel ser ikunu miftuħin b’mod normali. Dan meta f’sigħat ta’ paniku totali, il-Ministeru beda jċempel bl-addoċċ lil kull min deherlu li seta jmur fl-iskejjel biex jiftaħhom. Din l-irresponsabbiltà dehret b’mod ċar ukoll meta l-istess Ministru ppruvat tiġġustifika d-deċiżjoni tal-Gvern li ddiskrimina bejn is-setturi, billi sostniet li t-tagħlim online m’huwiex ta’ kwalità. Dan jarmi u jinsulta l-isforzi kollha li għamlu l-edukaturi kollha fil-perjodu li l-iskejjel kienu magħluqin, liema tagħlim online tkompla wkoll bl-iskejjel miftuħin inkluż l-iskola virtwali li twaqqfet apposta f’dan iż-żmien. L-MUT tikkundanna lil kull min qiegħed jipprova jitfa’ f’dawl ikrah lilll-edukaturi u ser tkompli tħares l-interessi tal-edukaturi, l-istudenti u l-familji.

Fl-aħħarnett l-MUT tirringrazzja lill-edukaturi kollha tas-sapport u talli f’dawn il-mumenti diffiċli qegħdin niġbdu lkoll ħabel wieħed għall-ġid komuni.

Comments are closed.