info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Baġit li jkompli jibni fuq il-ħidma fil-qasam edukattiv – jerġa’ jinjora ħtiġijiet ewlenin

October 22, 2018 at 8:07 pm

Baġit li jkompli jibni fuq il-ħidma fil-qasam edukattiv – jerġa’ jinjora ħtiġijiet ewlenin

F’reazzjoni inizzjali għall-baġit, l-MUT tisħaq li dan jidher li huwa biss kontinwazzjoni tal-ħidma tal-Gvern fil-qasam edukattiv permezz tat-tkomplija ta’ miżuri li qed jieħu l-gvern sabiex ikompli jsaħħaħ il-qasam u s-servizz edukattiv. Dawn jinkludu l-Vjaġġ Tiegħi li ser joffri opportunitajiet ġodda lill-istudenti fis-settur sekondarju, it-tisħiħ tat-tagħlim ta’ ilsna differenti, l-apprentistat u tisħiħ tar-rabta bejn il-qasam sekondarju u dak post-sekondarju. Il-baġit jinkludi wkoll referenza għal taħriġ pedagoġiku għall-edukaturi u possibiltajiet ta’ taħriġ għal gradi supply sabiex jimxu għal gradi regolari. Dan filwaqt li hemm refernza għal xogħolijiet ta’ rinnovar fl-iskola ta’ Ħal Qormi. Tissemma wkoll l-eżenzjoni għall-familji kollha mill-ħlasijiet tal-eżamijiet tal-MATSEC bħala kontinwazzjoni għas-sena li għaddiet.

Għaldaqstant b’dispjaċir l-MUT terġa’ tara li l-baġit ma jagħmel l-ebda referenza għall-problemi serji li għandna fil-qasam edukattiv, fosthom in-nuqqas ta’ edukaturi. Il-baġit lanqas ma jagħmel l-ebda investiment sabiex żgħażagħ jagħżlu l-professjoni ta’ edukaturi u ma hemm l-ebda referenza għal għajnuna lill-iskejjel li mhumiex tal-istat sabiex jibqgħu joffru l-aħjar servizzi. Dan il-baġit ma jindirizzax ukoll il-problema serja ta’ nuqqas ta’ sigurtà fl-iskejjel. Dan huwa ta’ diżappunt għall-MUT għaliex jidher li m’hemmx ħsieb sabiex pajjiżna jilqa’ għal inċidenti serji bħal ma kellna fl-iskejjel matul l-aħħar snin. L-MUT tispera li fl-estimi dettaljati u diskorsi tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ikun hemm aktar tweġibiet għal dawn il-problemi.

Comments are closed.