info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
STQARRIJA KONĠUNTA MILL-GVERN, IL-MALTA UNION OF TEACHERS, IS-SEGRETARJAT GĦALL-EDUKAZZJONI NISRANIJA, L-ASSOĊJAZZJONI TAL-ISKEJJEL TAL-KNISJA U L-ASSOĊJAZZJONI TAL-ISKEJJEL INDIPENDENTI

January 8, 2021 at 5:27 pm

STQARRIJA KONĠUNTA MILL-GVERN, IL-MALTA UNION OF TEACHERS, IS-SEGRETARJAT GĦALL-EDUKAZZJONI NISRANIJA, L-ASSOĊJAZZJONI TAL-ISKEJJEL TAL-KNISJA U L-ASSOĊJAZZJONI TAL-ISKEJJEL INDIPENDENTI

Aktar kmieni llum saret laqgħa oħra bejn il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Edukazzjoni u s-Segretarju Permanenti, flimkien mal-Malta Union of Teachers, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti.

Matul il-laqgħa saret preżentazzjoni tas-sitwazzjoni tal-pandemija u l-effett fuq l-iskejjel mill-Professur Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Dr Vincent Marmarà sabiex il-partijiet ikollhom analiżi tal-istatistika tal-pandemija.

Il-konklużjoni ta’ dan kollu kienet li ngħatat l-assigurazzjoni ċara li, billi l-iskejjel ikunu miftuħa b’miżuri ta’ mitigazzjoni, iktar hemm tendenza li jonqsu l-każijiet fil-komunità għax il-familji jipparteċipaw f’inqas attivitajiet soċjali. Dan jipprovdi iktar protezzjoni lit-tfal u lill-edukaturi, u jgħin biex irażżan il-pandemija fuq livell nazzjonali.

Għalhekk, l-iskejjel jistgħu jiftħu minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar bil-miżuri kollha li ddaħħlu skont il-protokolli maqbula mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Il-partijiet irreġistraw ukoll dan il-qbil:

– Il-proċedura ta’ contact tracing u implimentazzjoni tal-protokolli ser tkun imsaħħa;
– Il-proċedura ta’ ċertifikati tal-mard li jiġu ppreżentati fl-iskejjel ser titjieb;
– L-istaff tal-iskejjel se jkunu ta’ priorità fil-programm tal-implimentazzjoni tal-vaċċin hekk kif bħalissa t-tilqima qed tingħata lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u lill-anzjani;
– Il-partijiet kollha ser ikollhom aġġornament kull ġimgħa permezz ta’ figuri aġġornati dwar l-effett tal-pandemija fl-iskejjel;
– Il-Gvern u l-partijiet kollha qed jerġgħu jingħaqdu f’working group biex jiddiskutu u jirrevedu l-ħidma fil-pandemija b’mod kontinwu.

L-iskejjel tas-setturi kollha ser ikunu miftuħin minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar bil-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha skont il-protokolli, u skont il-modalitajiet li kienu ġew imħaddma minn kull skola qabel il-Milied.

Nota addizzjonali mill-MUT għall-membri

F’dawn il-laqgħat ħareġ biċ-ċar li dawn il-jumejn, li fihom l-MUT ordnat strajk, kienu essenzjali li ma kienx hemm skejjel miftuħin b’mod fiżiku. Dawn il-jiem kienu jaħbtu mal-perijodu fejn kien mistenni li joħorġu l-maġġoranza tal-każijiet b’riżultat tal-attivitajiet li saru fil-jiem ta’ festi. Dan filwaqt illi kienet għadha qed issir analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni. Għaldaqtant, l-awtoritajiet tas-saħħa kienu diġà taw rakkomandazzjoni biex l-iskejjel ma jinfetħux b’mod fiżiku għal dawn il-jumejn. Billi l-gvern irrifjuta li l-iskejjel tal-istat imorru online għal dawn il-jumejn, l-MUT ma kellhiex triq oħra ħlief li tordna l-istrajk. Għaldaqstant, permezz tal-azzjoni industrijali ma rriskjajniex is-saħħa u s-sigurtà f’sitwazzjoni inċerta u allura nistgħu ngħidu li l-edukaturi tal-iskejjel, inkluż dawk tal-istat, aġixxew bl-aktar mod responsabbli fiċ-ċirkostanzi, kif għamlu l-bqija tas-setturi li ħadmu online.

Fil-laqgħa saru żewġ preżentazzjonijiet, waħda mill-Professur Charmaine Gauci u l-oħra minn Dr Vincent Marmarà. Fihom ġiet spjegata b’mod dettaljat kif il-pandemija laqtet lill-popolazzjoni b’enfażi fuq l-impatt tal-imxija fl-iskejjel u kif hija mistennija li tiżviluppa s-sitwazzjoni. L-indikaturi kollha juru li l-implimentazzjoni effettiva tal-protokolli fl-iskejjel qegħdin jaħdmu u dan grazzi għall-ħidma sfieqa tal-ħaddiema kollha fl-iskejjel. Skont il-preżentazzjonijiet li l-MUT ingħatat, l-implimentazzjoni ta’ dawn il-protokolli għadha effettiva. Kif intqal fl-istqarrija konġunta, il-konklużjoni ta’ dan kollu kienet li ingħatat assigurazzjoni ċara li l-iskejjel kollha jistgħu jiftħu minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar bil-miżuri kollha li ddaħħlu skont il-protokolli.

Nagħmluha ċara li l-MUT żżomm id-dritt li terġa’ tieħu kull miżura neċessarja skont il-bżonn jekk l-affarijiet ma jimxux b’mod li jipproteġi lill-edukaturi, l-istudenti u lill-ġenituri. L-MUT tagħmilha ċara wkoll li hi dejjem imxiet mal-pariri tal-awtoritajiet fil-qasam tas-saħħa għax fl-aħħar mill-aħħar huma l-esperti u huma dawk responsabbli mid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Fl-aħħarnett l-MUT tirringrazzja lill-edukaturi tas-sapport kontinwu.

Comments are closed.