August 20, 2026 at 10:15 am
“L-Edukaturi huma frodisti” – skont id-Direttur tal-Finanzi fil-Ministeru tal-Edukazzjoni
Hekk sostniet id-Direttur tal-Finanzi fil-Ministeru tal-Edukazzjoni lbieraħ waqt laqgħa li fiha kienu qed jattendu l-Uffiċjali tal-MUT u tal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Il-laqgħa saret wara li l-MUT irċeviet numru ta’ lmenti minn membri li lejlet il-festa ta’ Santa Marija rċevew ittri reġistrati mibgħuta mid-Direttur tal-Finanzi, li fihom avżathom li sar ħlas żejjed fil-paga tagħhom u qed jingħataw ftit jiem biex iħallsu jew inkella jittieħdu passi legali kontrihom.
Dawn l-ittri ta’ theddid qed jintbagħtu dejjem qrib xi festa, fil-Milied, fl-Għid u fi żmien meta l-edukaturi ma jkollhomx ċans jiċċekkjaw id-drittijiet tagħhom. Għall-ilment li għamlet l-MUT dwar l-imsemmijin ittri ta’ theddid id-Direttur tal-Finanzi wieġbet għal darba, tnejn, tlieta li “l-edukaturi huma frodisti”, u dan baqgħet issostnih matul il-laqgħa kollha minkejja l-oġġezzjonijiet imqanqla li saru mill-Union.
L-MUT għandha dubji kbar dwar il-kredenzjali tad-Direttur tal-Finanzi, li ilha fir-rwol ftit xhur u li minn kliemha u għemilha mhi denja ta’ ebda rwol f’istituzzjoni edukattiva. L-MUT tiddikjara li qed tisfiduċja lil din l-uffiċjal pubbliku. Għaldaqstant il-Union għamlet ilment formali lill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jittieħdu l-passi kollha fil-konfront ta’ din l-uffiċjal.
Il-Union mhix se taċċetta li l-edukaturi jiġu trattati b’dan il-mod, minn ebda uffiċjal pubbliku. Il-frodisti żgur li mhumiex l-edukaturi li minħabba l-inkompetenza ta’ min ħadem il-finanzi kellhom pagi u allowances maħduma ħażin. Il-frodisti huma dawk li mhumiex kapaċi jaħdmu s-salarji u l-allowances u biex jippruvaw jirriparaw għall-inkompetenza tagħhom jheddu lill-edukaturi b’passi legali permezz tad-Direttur tal-Finanzi.




