info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Riċerka dwar l-edukaturi fis-settur tal-iskejjel tal-istat

October 24, 2019 at 4:50 pm

Riċerka dwar l-edukaturi fis-settur tal-iskejjel tal-istat

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL U L-MALTA UNION OF TEACHERS

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u l-President tal-Malta Union of Teachers (MUT) Marco Bonnici ħabbru li se jkun qed jiġi kkummissjonat studju xjentifiku fost l-edukaturi fis-settur tal-iskejjel tal-istat fejn se jkunu identifikati l-isfidi immedjati li l-edukaturi fi gradi diversi—kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tagħlim kif ukoll mil-lat amministrattiv—jiffaċċjaw fit-twettiq tal-irwoli tagħhom.

L-għan ewlieni ta’ dan ir-rapport, li għandu jkun finalizzat sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu tas-sena li ġejja, huwa li titjieb l-esperjenza u l-kontribut edukattiv tal-edukaturi f’kull ċirku skolastiku. Jekk l-edukatur huwa kuntent f’xogħlu, jiggwadanja mhux biss l-edukatur, iżda wkoll l-istudenti tiegħu.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo saħaq li dan ir-rapport, li se jkun qed isir flimkien mal-MUT, se jgħin fit-tisħiħ fl-edukazzjoni tal-futur. F’Malta għandna vantaġġ li tajjeb nibnu fuqu fejn il-popolazzjoni tal-għalliema hija żagħżugħa u din ir-riċerka għandha sservi għas-snin li ġejjin biex ma jkollniex nuqqas ta’ għalliema bħal ma qed jiffaċċjaw pajjiżi oħra Ewropej.

Huwa tenna li x-xogħol involut f’din ir-riċerka se jkun X-Ray tajjeb tas-sitwazzjoni preżenti fost l-edukaturi kollha tal-iskejjel tal-istat fejn se jkollna stampa sħiħa tas-sitwazzjoni preżenti. Din ir-riċerka se tkun qed tevalwa l-esperjenza umana; relazzjonijiet varji bħal dik amministrattiva, fil-klassi, ma’ minn imexxi, mal-istudenti u mal-ġenituri; u l-wellbeing tal-edukaturi, fost l-oħrajn, li mbagħad jiġu osservati bl-aktar mod sħiħ. Il-Ministru Bartolo temm billi rringrazzja lill-MUT u lill-Professur Borg, ir-riċerkatur ewlieni li se jkun qed iħejji dan ir-rapport, għall-ħidma tagħhom sabiex jiġu implimentati s-suġġerimenti u l-prattiċi li joħorġu minn dan l-istudju li se jiġi kkumissjonat.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici saħaq li l-idea wara din ir-riċerka kienet tal-MUT sabiex nimxu minn diskussjoni dwar x’naħsbu li hemm bżonn isir għal rapport xjentifiku li jikkonferma, darba għal dejjem, il-problemi li hemm u kif dawn għandhom jissolvew. “L-MUT għandha idea ċara tal-issues x’inhuma, u issa ilha s-snin tisħaq dwarhom u s-soluzzjonijiet marbuta magħhom. B’dan ir-rapport nisperaw li nimxu pass ‘il quddiem fis-sens li jkollna kollox iswed fuq l-abjad f’rapport xjentifiku. L-MUT tixtieq li ġaladarba jitlesta dan ir-rapport, immorru mal-ewwel għall-pass li jmiss, jiġifieri li nuru aktar rispett lejn il-professjoni billi nibnu fuq aspetti pożittivi u nillimitaw l-aspetti negattivi li qed iħallu impatt ħażin fuq is-settur, speċjalment fuq l-edukaturi.”

Il-Professur Mark G. Borg tenna li, “ħadd ma jista’ jiċħad li, bħalma nsibu f’sistemi edukattivi f’pajjiżi oħra, l-edukaturi f’pajjiżna qed jiffaċċjaw numru ta’ sfidi minħabba r-realtajiet li nsibu fis-settur. Filwaqt li hemm edukaturi li jirnexxilhom ilaħħqu ma’ dawn l-isfidi u jibqgħu għaddejjin bl-impenn edukattiv tagħhom, oħrajn isibu ruħhom f’diffikultà li taf issarraf f’nuqqas ta’ ħeġġa u ta’ impenn, stress żejjed, frustrazzjoni u qtigħ il-qalb. Fost dawn tal-aħħar ikun hemm minn jikkonsidra li jitlaq mis-settur edukattiv u saħansitra jkun hemm min fil-fatt jitlaq. L-impatt ta’ dan kollu huwa wieħed negattiv kemm fuq l-edukatur kif ukoll fuq is-sitema edukattiva.”

Hu saħaq li, “fl-istudju li se nkunu qed naħdmu fuqu se nitolbu l-parteċipazzjoni tal-edukaturi kollha li hemm fis-settur edukattiv tal-istat. Dan se nagħmluh biex nagħtu l-opportunità lil kull wieħed u waħda mill-edukaturi biex jaqsmu magħna dawk l-isfidi li l-aktar qed jimpattaw fuqhom b’mod negattiv. Se nistaqsuhom ukoll x’jaħsbu li hemm bżonn li jsir biex l-impatt negattiv ta’ dawn l-isfidi jittaffa xi ftit. Irridu nagħtu leħen lil kull edukatur”, żied jgħid il-Professur Borg.

Comments are closed.