info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
MUT Holds Triennial General Conference

July 5, 2017 at 4:55 pm

MUT Holds Triennial General Conference

On Friday 30th June 2017 the MUT held its Triennial General Conference. This was addressed by MUT President Mr. Marco Bonnici and Senior Vice President Mr. Norman Grech among others and the Union reported the work carried out during the term 2014-2017 and outlined its vision for the coming years.

The following the is the closing speech by MUT President Mr. Marco Bonnici:

 

DISKORS TAL-PRESIDENT TAL-MUT MARCO BONNICI FIL-KONFERENZA ĠENERALI TRIENNALI 30 TA’ ĠUNJU 2017

Minn nhar it-Tnejn ‘l hawn kont qed naħseb naqra x’nista’ ngħid f’dil-okkażjoni. Ovvjament anki wara kampanja pjuttost twila, ta’ tliet xhur, għedt ħafna affarijiet u l-probabiltà hi li dak li ngħid sa tkunu smajtuh jew qrajtuh b’xi mod jew ieħor. Peró ġara li kien hemm żvilupp il-bieraħ permezz ta’ dak li ġie rrapurtat minn sezzjoni partikolari tal-media u xtaqt li nagħmel referenza għaliha.

Matul il-kampanja, għal kull ċirkustanza li ffaċjajt, kelli nilqa’ għaliha jien. Ma jfissirx li ma kellix sapport. Kelli sapport minn ħafna minnkom. Kelli sapport minn ħafna membri. Peró finalment l-istrutturi tal-Union ma stajtx nużahom għax kont kandidat. Ir-rwol li kelli kien limitat għax ovvjament f’dak il-każ kont caretaker bħal ma konna lkoll kemm aħna. F’dak il-kuntest jien iddefendejt lili nnifsi bl-aħjar mod kif stajt, speċjalment dwar ċertu affarijiet li ntqalu fil-konfront tiegħi. Dak iż-żmien kien hemm anki ċertu għidut, li kelli nilqa’ għalihom kif stajt, bil-limitazzjonijiet inkluż finanzjarji, għax kampanja bħal dik ta’ tliet xhur kif timmaġinaw tiswa l-flus.

Illum il-ġurnata ċ-ċirkustanzi m’humiex l-istess. Jekk hawn xi ħadd li għandu f’moħħu jattakkani m’huwiex qed jattakka lili issa. Qed jattakka l-Union. Jekk hemm xi ħadd hemm barra, li għandu f’moħħu li jwaqqaf xi tip ta’ organizzazzjoni oħra u li tikkompeti mal-MUT, mhuwiex ser isib lili biss. Ser isir lili fuq quddiem – l-ewwel wieħed – u ħa nkun voċiferu iżjed minn qatt qabel. Peró ser isib lilna lkoll. U dan li qed nitlob jien minn għandkom illum, u dak hu li ser inkun qed nitlob minn għand il-membri. Tħallunix waħdi f’din. Mhijiex il-ġlieda tiegħi waħdi u mhix sa tkun tiegħi.

Jien nistenna li wara ċ-ċirkustanzi li nqalgħu, fejn kien hemm xi diffikultajiet, ikun hemm proċess ta’ rikonċiljazzjoni. U ser inkun qed naħdem jien l-ewwel wieħed għar-rikonċiljazzjoni. Serrħu raskom minn dan. Diġà bdejt il-proċess tar-rikonċiljazzjoni, inkluż ma’ membri li ġew fuqi u qaluli “jien m’appoġjajtekx – u inti taf li m’appoġjajtekx – peró issa qiegħed miegħek”. Jiena lanqas ngħid qiegħed warajk – jiena qiegħed miegħek. Jiena ma rridx li jkun hawn xi ħadd warajja. Jien irrid li tkunu lkoll kemm intom – inkluż il-membri – miegħi f’din u fit-tmexxija tal-Union għas-snin li ġejjin.

Semmejtha waqt il-kampanja elettorali – semmejtha anki f’xi intervista li kelli reċentement. Jien ma nemminx fil-‘one-man-show’. Il-Union m’hijiex ta’ persuna waħda. Ma jistax ikun li l-pożizzjonijiet tal-MUT toħodhom persuna waħda. Id-deċiżjonijiet tal-MUT iridu jittieħdu b’mod kollettiv. U dan hu li ser inkun qiegħed nagħmel jiena, flimkien ma’ sħabi, biex naraw li r-rappreżentazzjoni tagħkom tkun b’saħħitha fil-Union, biex naraw li l-vuċi tagħkom tkun qegħda hemm, u biex naraw li ħadd mill-uffiċjali tal-Union ma jidħol fil-ħajt.

U sa nkun qed nagħmilha ċara: tħallunix nidħol ġol-ħajt. Jekk taraw li qed niżbalja kunu minn tal-ewwel li tgħiduli Marco – hemmhekk qiegħed tiżbalja. U din hija xi ħaġa li jien ħa nkun qiegħed nippretendiha minn għandkom, bħalma sa nkun qiegħed nippretendiha minn kull membru tal-MUT. Jien ħa nkun qed nippretendi li jkun hemm lealtà lejn it-tmexxija għax bilfors – aħna struttura u dik l-istruttura rridu nirrispettawha. Peró ħa nkun qed nippretendi wkoll li fejn qed naraw li qed isiru żbalji dawk l-iżbalji jiġu elenkati b’tali mod li dawn nirranġawhom.

Rigward it-theddida – jew psewdo-theddida – li jista’ għandna. Għax jiena mal-media ħdimt, forsi uħud minnkom għandkom idea, u l-istunts tal-media nxommhom ukoll. Kemm hi stunt din tat-twaqqif tal-Union oħra jew le wieħed għad irid jara. Li hu żgur huwa li jekk hemm membri li qed jaraw f’din il-proposta alternattiva għall-MUT għandna nkunu aħna l-ewwel nies li nkunu voċiferi – li ngħaqqdu l-MUT b’tali mod li nerġgħu niksbu s-saħħa u l-fiduċja tal-membri kollha u b’tali mod li nibqgħu għaddejjin flimkien.

Jiena l-bieraħ kont qed nara l-kummenti li kien hemm fil-posts fuq dak li ntqal. Jiena nixtarr kull ma jkun qiegħed jintqal għax nemmen li huwa mportanti li taqrahom. Ikun hemm min jgħidli biex ma narahomx il-kummenti għax ovvjament iżjed tinkedd. Peró l-kummenti narahom kollha u napprezza anki informazzjoni dwar xi jkun qed jingħad għax jien irrid stampa ċara. Ma rridx illużjoni – ma rridx indaħħal rasi fir-ramel għal dak li jkun qed jintqal. Tara kummenti, anki minn membri tagħna, li jgħidulek li issa ħa jkun hawn il-kompetizzjoni u din hija ħaġa healthy għall-MUT. Is-saħħa tal-MUT hija fin-numri u f’xejn iżjed. Jiġifieri is-saħħa tal-MUT hija fid-disat elef u fuqhom membri li qed jaħdmu għall-għan ewlieni li m’humiex maqsumin fil-post tax-xogħol. U din insostniha. Ma jistax ikun hemm qasma fuq il-post tax-xogħol bejn amministrazzjoni, bejn għalliema, bejn LSA’s, bejn gradi differenti. Ma nistgħux naffordjaw li jkun hemm din il-qasma. Jekk ser ikun hemm din il-qasma – mhux l-MUT ser titkisser imma hija l-professjoni li ser titkisser. Irridu nagħmlu minn kollox, u jien ħa nkun qiegħed fuq quddiem, biex l-ebda proposta ma titressaq li twassal għal qasma fil-professjoni.

Fil-jiem li ġejjin ħa nkun qiegħed niltaqa’ mal-membri tal-Kunsill. Bħal ma tafu l-ewwel laqgħa tal-Kunsill xtaqt li ħabbarniha qabel peró fiċ-ċirkustanzi ma stajnhiex. Jien għadni s’issa qed nistenna minn għand l-awditur ħalli jtina l-aħħar riżultat kompilat li ser jiġi ppreżentat anki fil-Kunsill nhar it-Tnejn. Kif appena jkollna dan sa nkun qiegħed nibgħat għal laqgħa tal-Kunsill iżjed tard illum. Il-laqgħa sa tkun nhar it-Tnejn.

X’għandna quddiemna? Għandna l-ewwel ħaġa nappuntaw l-Uffiċjali. Importanti li mill-ewwel ikollna tmexxija. Importanti li jkollna mill-ewwel l-istrutturi kollha tal-Union. Bħalissa l-istrutturi huma dawk li qed taraw, jiġifieri jiena u Norman (Grech) li qed jagħmel xogħol kbir, u ilna naħdmu anki matul dawn l-aħħar tliet xhur għax bħal ma tafu aħna sostnejna ħafna mill-operat tal-Union. Peró bħalissa sa llum qegħdin jien u Norman. Jiġifieri jeħtieġ li jkollna l-istrutturi kollha in place biex nilqgħu għal dak kollu li ġej u biex inżommu anka mal-wegħdiet li għamilna u li ħa nkunu qegħdin nippreżentaw anka lill-Kunsill. Intom tafu li jiena pproponejt dak li kont qed insejjaħlu manifest. Ħamsin proposta. Dak il-manifest għedt mill-ewwel li ħa jkun qiegħed jitressaq quddiem il-Kunsill għall-approvazzjoni u diskussjoni. Dak huwa l-ewwel biċċa xogħol li ħa jkollu l-Kunsill. Il-ħatriet tal-Uffiċjali l-ġodda u l-approvazzjoni tal-manifest biex ikollna l-way forward.

X’inhija l-way forward? Fl-immedjat il-way forward hija li dawk l-agreements li għandna pendenti inkomplu ninnegozjawhom, u nkomplu ninnegozjawhom anki matul dawn ix-xhur. Ma nistgħux nistennew li jaqbeż is-sajf u ma nkunu għamilna xejn fuqhom. Aħna bħala xogħol nibqgħu għaddejjin. Ikollna wafqa qasira ta’ madwar ħmistax f’Awwissu biss. Jekk ikun hemm laqgħat importanti dejjem attendejna għalihom, kemm filgħodu għax inkunu dak iż-żmien bin-nofstanahri, u anki jekk jinzertaw waranofsinhar. Ix-xogħol irid isir. U l-appell tiegħi huwa, li kemm bħala Kunsill u kemm bħala membri u delegati tal-Union, li tgħinuna f’dan il-proċess ħalli noħolqu stabbiltà fil-Union u nkunu nistgħu naħdmu.

Minn naħa tiegħi nirringrazzja lilkom li qegħdin hawnhekk illum. Nirringrazzjakom tas-sapport. Nirringrazzjakom tal-fiduċja li wrejtu u li ħa tkunu qegħdin turu fija. Inħeġġiġkom tibqgħu tipparteċipaw fl-istrutturi tal-MUT biex permezz t’hekk inkomplu mexjin ‘il quddiem. Grazzi ħafna.

Comments are closed.