info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Messaġġ f’għeluq il-mija u tliet snin mit-twaqqif tal-Malta Union of Teachers

November 22, 2022 at 9:44 am

Messaġġ f’għeluq il-mija u tliet snin mit-twaqqif tal-Malta Union of Teachers

L-MUT, illum 22 ta’ Novembru, tfakkar l-għeluq il-mija u tliet snin anniversarju minn meta twaqqfet. Seklu u aktar ta’ storja kbira f’isem l-edukaturi u dawk kollha ta’ rieda tajba li jaħdmu fil-qasam edukattiv.

L-MUT, iżda, mhijiex il-union tal-istorja biss imma hija l-union tal-preżent u tal-futur.

Din is-sena kienet waħda differenti iżda bi sfidi, kemm antiki u anki oħrajn ġodda. Sfidi antiki li reġgħu ħarġu hekk kif is-sena skolastika reġgħet lura għan-normalità mingħajr il-COVID, fejn ċertu problemi li ġew minsija jew ma kinux prijorità mill-employers issa reġgħu ħarġu fil-beraħ. Diffkultajiet oħra ġodda kellna wkoll, minn membri li jkellmuna ta’ kuljum u li jitolbu l-għajnuna tal-union. Dan huwa xogħol li jkompli jsir ta’ kuljum u li huwa essenzjali. Ingħalqu wkoll numru ta’ agreements li kienu ilhom jiġu nnegozjati għal numru ta’ snin filwaqt li oħrajn qed jiġu nnegozjati.

Issa qed inħarsu wkoll lejn sfidi tal-futur, fejn l-MUT diġà bdiet il-proċess sabiex tiftaħ l-akbar ftehim tagħha, jiġifieri dak settorali għall-edukaturi tal-istat u miegħu hemm dak kollettiv tal-edukaturi tal-Knisja. Inħeġġu lill-membri sabiex jinvolvu ruħhom, jingħaqdu ma’ sħabhom u anki jikkontribwixxu lejn diskussjoni matura u tkompli tagħti valur lix-xogħol kollu li nbena matul is-snin.

Kif saret tradizzjoni fl-aħħar snin minn meta ġie inawgurat, bħala uffiċjali qiegħdna bukkett fjuri fuq il-monument tal-MUT fil-Mall, il-Furjana. Dan huwa mument li jfakkarna fit-triq kollha li għaddejna minnha bħala settur u bħala pajjiż, u jimlina bil-kuraġġ għal dak li ġej. Grazzi tas-sapport.

Tislijiet
Marco Bonnici – President
Elaine Germani – Viċi President Anzjan
Claudette Mintoff – Viċi President
Christopher Vella – Assistent Segretarju Ġenerali

Comments are closed.