info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
L-MUT twassal sabiex tittieħed azzjoni bla preċedent – Serħan tal-moħħ għall-Professjoni tal-Edukaturi

October 6, 2018 at 12:27 pm

L-MUT twassal sabiex tittieħed azzjoni bla preċedent – Serħan tal-moħħ għall-Professjoni tal-Edukaturi

Wara li tard ilbieraħ l-MUT irċeviet in-notifika mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, fejn ġiet infurmata li l-att tal-edukazzjoni propost kien ġie rtirat mill-Parlament, il-Kunsill tal-MUT iltaqa’ b’urġenza dalogħdu sabiex janalizza s-sitwazzjoni. Din il-laqgħa kienet segwita minn laqgħa bejn l-uffiċjali u l-Ministru Hon. Evarist Bartolo, is Segretarju Parlamentari Hon. Clifton Grima, Dr. Francis Fabri u Dr. Charmaine Cristiano fejn matulha l-MUT elenkat mill-ġdid l-issues li tqajmu matul dawn l-aħħar jiem. L-MUT talbet assigurazzjoni li l-ewwel nett il-klawżoli elenkati minnha fl-att jitneħħew qabel ma’ l-att jerġa jibda jiġi diskuss bejn iż-żewġ partijiet. L-MUT insistiet ukoll li mhix ser taċċetta sitwazzjoni fejn jerġa’ jingħad lilha li l-klawżoli ġew misinterpretati. Għaldaqstant intlaħaq qbil bejn l-MUT u l-Ministeru li l-klawżoli l-ġodda li jikkonċernaw il-warrant u l-liċenzja marbutin mat-taħriġ u profiċjenza jitneħħew.

Intlaħaq ukoll qbil fil-prinċipju dwar emendi fil-klawżoli dwar il-kwalifiċi, il-homeschooling, il-liċenzji tal-iskejjel, l-istruttura tal-bordijiet, il-ġbir tal-informazzjoni u s-sigurtà. Dawn l-issues kienu kollha elenkati mill-MUT kmieni din il-ġimgħa. L-MUT issoktat ukoll u sar pjan bi qbil mal-Ministeru sabiex l-affarijiet pendenti bejn il-Ministeru u l-Union jiġu indirizzati. B’hekk l-issues li għandhom l-edukaturi bħalissa jibdew jiġu solvuti. Aktar informazzjoni dwar dan ser tingħata lill-membri fil-jiem li ġejjin.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MUT qed tirtira t-tilwima industrijali u tissospendi l-azzjoni li kienet imsejħa għal nhar it-Tnejn 8 ta’ Ottubru 2018. L-MUT tirriserva d-dritt li terġa tieħu azzjonijiet meħtieġa jekk dan l-att jew oħrajn jitressqu mingħajr konsultazzjoni mal-Union. L-MUT tixtieq turi l-apprezzament tagħha lejn il-membri li permezz tal-għaqda u determinazzjoni tagħhom inkiseb dan ir-riżultat.

Comments are closed.