November 7, 2019 at 4:07 pm
L-Att Dwar l-Edukazzjoni – hawn hi l-informazzjoni korretta
L-MUT tirreferi għall-Att Dwar l-Edukazzjoni l-ġdid (il-liġi) u ssostni li:
a) L-Att dwar l-Edukazzjoni ma tagħmlu l-ebda union iżda jsir mill-Parlament li għandhu l-fakultà li jagħmel il-liġijiet.
b) L-Att ma daħħal l-ebda inspections ġodda jew biddel il-ħinijiet tax-xogħol. L-MUT kieku kienet tkun minn tal-ewwel li toġġezzjona bħalma oġġezzjonajna s-sena li għaddiet meta kien hemm affarijiet li ma qbilnhiex magħhom.
c) Infakkrukom li l-MUT kienet wasslet għal deċiżjoni storika għal pajjiżna meta l-Att propost is-sena li għaddiet kellu jiġi rtirat mill-Parlament. Dan ifisser li altru mill-kliem ta’ wħud li l-MUT taċċetta kollox – meta ma taqbilx tkun lesta li ssemma leħinha kif dejjem għamlet matul il-mitt sena li ilha mwaqqfa u hekk ser nibqgħu nagħmlu.
d) L-Att li qed jgħaddi mill-Parlament ma fih l-ebda element li kien qajjem il-kontroversja fil-warrants is-sena li għaddiet.
e) L-Att li qed jgħaddi mill-Parlament sab l-appoġġ tal-Oppozizzoni li vvutat favur tiegħu wara li stqarret ukoll li m’hemmx elementi ta’ detriment għall-edukaturi u għas-settur.
f) Fl-aħħar nett l-MUT tappella lill-membri sabiex ma jħallux lil min joqgħod ibeżżagħhom b’informazzjoni qarrieqa. Il-problemi fil-qasam edukattiv bħalma tafu huma bosta u l-MUT ser tkompli taħdem fuq l-issues reali fis-settur.