info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Ittra lill-Ministru għall-Edukazzjoni

October 4, 2018 at 11:25 am

Ittra lill-Ministru għall-Edukazzjoni

Din hija ittra li ntbagħtet illum lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol mill-President tal-MUT Marco Bonnici.

Għażiż Hon. Bartolo,

Aħna l-Malta Union of Teachers iddiżappuntati mmens dwar kif sirna nafu b’dan l-att u dak li jinkludi. Iddiżappuntati wkoll illi kieku aħna ma ndunajniex dwar il-preżentazzjoni tal-att fil-Parlament, dan kien jgħaddi kif inhu mingħajr tibdil. Il-Ministeru għażel li ma jinforma lil ħadd dwar il-preżentazzjoni tal-att meta f’sitwazzjonijiet oħra, u dan qed ngħidu bl-akbar rispett, anke jekk il-Ministru jagħti daqqa ta’ ballun f’attività fi skola jiġi rrappurtat bil-pompa kollha.

Filwaqt li l-MUT qatt ma attribwiet ħtijiet jew ippuntat swaba għall-mod kif saru l-affarijiet min-naħa tal-Ministeru, fl-istess waqt il-Ministeru kien pront u attribwixxa l-aġir leġittimu tal-MUT bħala pika bejn l-MUT u Union oħra. Dan huwa inaċċettabli. L-MUT dejjem ħarset l-interessi tal-membri u tas-settur edukattiv u kienet protagonista f’99 sena ta’ ħidma sabiex l-edukazzjoni titwassal għall-istat li qegħda fih. Huwa insult għalina li Union, li dejjem stinkat, tiġi injorata b’dan il-mod fejn hu ċar li l-oġġezzjonijiet li għamlet l-MUT fi żmien tal-konsultazzjoni li saret fl-2016 ma humiex riflessi fl-att għajr għal wahda mill-punti li hi dik tat-tneħħija tas-setgħa tal-Ministru li jagħti jew ineħħi warrant. Kif taf sew id-diskors dwar dan kien isir bejnietna qabel ma inti bdejt tmexxi l-Ministeru u niftakar ċar diskussjonijiet, dak iż-żmien fl-uffiċċju tal-President preċedenti tal-MUT il-Belt, fejn kont issostni dan il-punt magħna. Iva dan nilqgħuh bħala pożittiv iżda ma jistax jiġġustifika l-kumplament, li kif taf tajjeb qajjem agħa fost l-edukaturi.

L-MUT titkellem ma’ diversi individwi u entitajiet u s-sentiment ta’ diżappunt jinħass kullimkien. Filwaqt li kif mistenni l-kwistjoni tal-liċenzji u l-warrants għamlet l-iżjed ħoss, l-MUT ippreżentat seba’ oġġezzjonijiet fuq bażi ta’ prinċipju. Dawn l-oġġezzjonjiet huma liġittimi għaliex jekk jiġu injorati ser iwasslu għal telf ta’ dak li kien inkiseb b’tant sagrifiċċji mill-mexxejja ta’ qabilna. Dan ser iwassal ukoll sabiex is-sistema tikkrolla meta ta’ warajna jimplimentaw dak li hu inkluż bil-mod kif jidhrilhom skont il-parametri tal-att. L-MUT xtarret sew dak li hu inkluż, u ħadet il-pariri meħtieġa inklużi dawk legali dwar dan. L-interpretazzjoni hi ċara.

Id-diżappunt tal-Union huwa wkoll manifestazzjoni ta’ dak li qed ngħaddu minnu meta qegħdin nippruvaw nassistu membri individwali jew gruppi. Filwaqt li t-tweġiba ‘Le’ ma tingħad qatt, it-tkaxkir tas-saqajn qed iwassal sabiex ma ssirx ġustizzja ma’ individwi u gruppi. Ewlenin fosthom hi l-kwistjoni tal-20+ għal grupp ta’ madwar 150 ex-instructor li l-qbil dwaru diġà sar, it-tibdil rikjest fuq l-implimentazzjoni tal-LOF, in-negozjati tal-MOU tal-gradi supply, in-negozjati tal-ftehim tal-gradi student services, l-anomalija kbira fil-ftehim tal-mobility, il-korsijiet tal-KGE u LSE, il-kwistjoni tal-servizz tal-fotokopji, tat-trasport b’mod partikolari fiċ-ċentri tar-riżorsi u diversi issues oħra pendenti.

Għaldaqstant l-MUT tħoss li għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara u ser tkompli fid-direzzjoni li ingħatat mill-Kunsill. L-MUT lesta li żżomm il-laqgħa skedata miegħek nhar it-Tnejn. Nirringrazzjak.

Nixtieq ninfurmak li din il-komunikazzjoni ser tiġi ppubblikata.

Insellimlek,

Marco Bonnici | President
Malta Union of Teachers | A: 759, Triq il-Kbira San Ġużepp, Ħamrun, ĦMR 1016, Malta

Comments are closed.