info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Is-sitwazzjoni preżenti COVID-19 – messaġġ għall-membri

March 8, 2021 at 3:46 pm

Is-sitwazzjoni preżenti COVID-19 – messaġġ għall-membri

L-MUT f’dawn il-jiem qiegħda f’kuntatt kontinwu mal-awtoritatjiet sabiex tkompli tifhem ir-raġunament wara l-miżuri l-ġodda li tħabbru mill-gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa. L-edukaturi qed juru tħassib, kemm minħabba n-numri ta’ każijiet ġodda kuljum u anki minn informazzjoni li qed tintqal mill-awtoritajiet dwar il-varjant li issa jidher li daħal Malta sew. Huwa ovvju għal kulħadd li, bin-numri li qed ikun hawn f’dawn il-jiem, kien hemm bżonn ta’ miżuri ġodda biex jilqgħu għal dan. L-MUT tappella mhux biss lill-pubbliku sabiex jimxi ma’ dak li qegħdin jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa imma li jkun hemm aktar infurzar u infurzar viżibbli li jservi ta’ deterrent. L-irresponsabbiltà ta’ wħud, li qegħdin jiksru l-protokolli u jagħmlu ħsara kbira, hemm bżonn li tieqaf minnufih.

Sadattant, l-MUT ser tkompli ssegwi mill-qrib il-proċessi fuq diversi fronti. Hemm il-mitigazzjoni fl-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol fil-qasam edukattiv, fejn l-MUT qegħdha tinsisti mal-awtoritajiet sabiex il-protokolli eżistenti fl-iskejjel jiġu mħaddma abbażi tal-feedback li qed nirċievu u tas-sitwazzjoni preżenti. Hemm ukoll il-proċessi tal-contact tracing u kwarantina, il-proċess tat-tilqim tal-edukaturi, irridu niżguraw li hemm biżżejjed riżorsi ta’ iġjene fl-iskejjel u numru ta’ affarijiet oħra relatati ma’ dan.

Rigward it-tilqim, l-MUT hija infurmata dwar il-fatt li hemm numru ta’ edukaturi li għadhom ma rċevewx l-istedina għall-vaċċin. Għaldaqstant, f’laqgħa ma’ Prof. Gauci, l-MUT flimkien ma’ rappreżentanti tal-iskejjel tal-istat, Knisja u Indpendenti, ġiet elenkata lista ta’ skejjel fejn il-proċess għadu ma bediex. Dan bil-għan li l-awtoritajiet jieħdu nota ħalli l-proċess jinbeda hemm ukoll mill-aktar fis.

Fl-aħħarnett l-MUT tagħmilha ċara li jekk il-pariri mill-esperti juru li hemm bżonn tittieħed xi tip ta’ azzjoni, jekk il-politiċi jonqsu milli jiħduhom sfortunatament ma jifdal l-ebda triq ħlief li l-MUT tieħdu l-passi li hemm bżonn kif dejjem għamlet.

Comments are closed.