April 29, 2019 at 4:41 pm
Informazzjoni għal min hu fil-gradi Supply
L-MUT tixtieq tinforma lil membri li huma fil-grad Supply (għalliema, KGEs u LSEs) li bħalissa hemm skedati laqgħat mal-Ministeru għall-Edukazzjoni (MEDE) ħalli l-MOU tagħhom ikun iffinalizzat. Filfatt infakkrukom li l-gradi kollha Supply huma rregolati minn dan il-Memorandum of Understanding (MOU) tal-2009 u mhux mill-Ftehim Settorali li ġie ffirmat fl-2017. L-unika referenzi li kien hemm fil-Ftehim Settorali filfatt kien li l-MUT u l-MEDE qablu li dan l-MOU għandu jerġa’ jiġi negozjat u li l-gradi supply ħadu allowance għall-ewwel darba peress li s-Supply qatt ma ħadu allowances tal-grad. Din kienet bidu li tiftaħ it-triq għal aktar titjib fil-futur.
Sadattant, l-għan tal-MUT huwa li l-MOU joħloq dejjem aktar opportunitajiet sabiex ikunu rregolarizzati l-pożizzjonijiet ħalli kull min huwa Supply bħalissa jaqleb tal-post u jieħu l-benefiċċji kollha tal-Ftehim Settorali. Infakkrukom ukoll li apparti li bħalissa hawn bżonn dejjem aktar ta’ edukaturi, għal diversi raġunijiet fis-snin li ġejjin ser ikun hemm bżonn dejjem aktar. Dan ifisser li huwa fl-interess ta’ kulħadd li jinħolqu aktar possibilitajiet li jtejbu s-sitwazzjoni tagħkom filwaqt li jassigura l-kwalita’ tal-edukazzjoni li aħna nipprovdu. Fl-aħħarnett, inħeġġukom sabiex tipparteċipaw fl-eżerċizzju li ser inkunu qegħdin nagħmlu magħkom il-membri meta jkollna l-ewwel abbozz tad-dokument. Nirringrazzjawkom bil-quddiem tal-għajnuna u s-sapport li ttuna. Min għandu xi kummenti, suġġerimenti dwar dan kollu tistgħu dejjem tikkomunikaw magħna bħal ma dejjem għamiltu.