info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Il-proposta Malta Education – attenti minn informazzjoni qarrieqa

November 7, 2019 at 4:07 pm

Il-proposta Malta Education – attenti minn informazzjoni qarrieqa

L-MUT tirreferi għall-proposta tagħha għad-diskussjoni msejħa Malta Education. Il-Union tinnota l-ammont ta’ informazzjoni qarrieqa li qed tinħareġ u għaldaqstant tixtieq tiċċara dan li ġej:

1) Din il-proposta bl-ebda mod ma tfisser li ser jiżdiedu l-ħinijiet jew jintilfu xi kundizzjonijiet li nkisbu mill-MUT stess matul is-snin. Min qiegħed jivvinta u jallarma lill-edukaturi fil-post tax-xogħol qiegħed jagħmel dan biss biex ibeżża’ għal fini u gwadann personali.

2) Bħala proposta għadha fl-istadju bikri ta’ ġbir ta’ feedback. Bħalissa fil-fatt l-MUT għandha kemm survey u anki laqgħa għall-membri nhar it-Tnejn li ġej (issibu d-dettalji fil-websajt). Għaldaqstant xejn għadu mhu deċiż u kull spekulazzjoni hi intiża biss biex tqarraq.

3) Din il-proposta ser titressaq biss skont il-feedback li ser jasal mill-membri tal-MUT. Jekk ser titressaq lill-Gvern, id-dettalji li ser jiġu diskussi ser ikunu eventwalment ippreżentati lill-membri fil-kuntest tan-negozjati għal ftehim settorali ġdid.

4) Peress li ma kien hemm l-ebda diskussjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar din il-proposta, din m’għandha x’taqsam xejn mal-Att dwar l-Edukazzjoni (liġi) li qed tiġi diskussa fil-Parlament għaliex din qatt ma ġiet proposta lill-gvern.

5) Il-proposta mhix waħda ġdida għaliex l-MCAST, l-ITS, l-Università ta’ Malta u diversi entitajiet tal-Gvern huma diġà parti mis-servizz pubbliku.

6) Fl-aħħar nett l-MUT issostni li mhix ser tiġi mxekkla bit-tixrid ta’ qerq iżda ser tkompli taħdem fuq il-problemi li jeżistu fis-settur u mhux fil-fantasija ta’ xi wħud. L-ebda retorika populista (bi kliem fieragħ bħal ‘collusion’) ma jaħbu l-fatt li l-MUT hija l-Union serja li taħdem u tiddefendi lill-edukaturi, ħafna drabi mingħajr daqq ta’ trombi u mingħajr ma toħloq paniku meta ma jkunx hemm bżonn. Din hija responsabbiltà li l-MUT tieħu bis-serjetà.

Comments are closed.