info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja – stħarriġ mill-MUT jindika li l-edukaturi qed iqattgħu aktar sigħat ta’ xogħol u l-pandemija qed tħalli impatt psikoloġiku

May 29, 2020 at 12:35 pm

Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja – stħarriġ mill-MUT jindika li l-edukaturi qed iqattgħu aktar sigħat ta’ xogħol u l-pandemija qed tħalli impatt psikoloġiku

L-istħarriġ huwa parti mit-tnedija ta’ rivista ġdida għall-edukaturi bit-titlu “Il-Ħsieb”

Wara li għalqu l-iskejjel f’Marzu 2020 u kien hemm bidla immedjata lejn tagħlim online, l-MUT irċeviet informazzjoni konsistenti mill-membri dwar l-impatt fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-edukaturi. Filwaqt li l-edukaturi komplew jipprovdu l-aqwa esperjenza edukattiva lill-istudenti fiċ-ċirkustanzi, l-isforz involut biex iċċaqalqu r-riżorsi għal pjattaformi online, biex jintlaħqu l-istudenti u anki biex jingħata feedback, ħalla impatt u possibilment irriżulta fi żbilanċ bejn l-impenji tax-xogħol u dawk tal-ħajja, inklużi l-impenji tal-familja. Għaldaqstant l-MUT għamlet stħarriġ biex tanalizza aħjar is-sitwazzjoni.

Il-konkorrenza kienet waħda tajba, b’692 edukatur jieħdu sehem fl-istħarriġ, li sar matul l-aħħar ġimgħa t’April u l-ewwel ġimgħa ta’ Mejju 2020. L-istħarriġ kien jikkonsisti fi tlettax-il mistoqsija u t-tweġibiet kienu anonimi. Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet:

– 78.9% tal-parteċipanti qalu li qegħdin iqattgħu aktar sigħat jaħdmu minn qabel.

– 45.8% wieġbu li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja ġie affettwat negattivament, filwaqt li 47.5% qalu li l-pożittiv u n-negattiv ibbilanċjaw lil xulxin.

– 83.5% qalu li jirċievu komunikazzjonijiet mill-istudenti wara l-ħin tax-xogħol, jiġifieri filgħaxija, fil-weekend jew fil-btajjel, filwaqt li 57.9% sostnew li jirċievu tali komunikazzjonijiet mill-ġenituri. 63.9% qalu li jirrispondu lura lill-istudenti f’ħin li mhuwiex tax-xogħol u 42.6% lill-ġenituri. Ir-raġunijiet għalfejn l-edukaturi jwieġbu lill-istudenti barra l-ħin tax-xogħol jinkludu li dan isir sabiex ix-xogħol ma jakkumulax, u peress li minħabba responsabbiltajiet tal-familja mhux dejjem ikunu jistgħu jżommu mal-ħinijiet tal-iskola. Ċerti edukaturi jħossu wkoll obbligu li jirrispondu immedjatament, speċjalment lil ċerti studenti li ma tantx juru interess u allura ma jkunux jixtiequ li jdumu biex ituhom tweġiba.

– Apparti dan, 70.8% tal-parteċipanti jirċievu komunikazzjonijiet minn ta’ fuqhom barra l-ħin tax-xogħol. Minn dawn, 19.1% tal-parteċipanti qalu li ta’ fuqhom riedu tweġiba f’ħin li wkoll mhuwiex tax-xogħol. Dan ikompli jikkonferma n-nuqqas ta’ linja bejn il-ħin tax-xogħol u dak li mhuwiex. Minħabba f’hekk, ħafna edukaturi sostnew li qed isibuha diffiċli biex jitfu mentalment, partikolarment jekk ta’ fuqhom jirrabjaw meta jiġu injorati fil-ħin li mhuwiex tax-xogħol. Għaldaqstant 51.2% sostnew li xorta jwieġbu lil ta’ fuqhom meta ma jkunx il-ħin tax-xogħol.

– 77.7% tal-parteċipanti jħossu li dan il-perjodu kellu impatt psikoloġiku fuqhom, b’ħafna edukaturi jippruvaw isibu metodi kif jirnexxilhom ikampaw fiċ-ċirkustanzi. Pereżempju 30.6% qegħdin jużaw kamra jew spazju partikolari għax-xogħol, u 29.8% jippruvaw jixegħlu l-laptop jew il-kompjuter biss waqt il-ħin tax-xogħol. Oħrajn sabu metodi oħra varji, bejn li jitolbu sapport minn servizzi varji, jagħmlu eżerċizzju fiżiku, imorru xi mixja, jaqraw iktar, isajru u anki s-sapport reċiproku tal-kollegi.

Kien hemm bosta kummenti interessanti. Numru ta’ edukaturi qalu li t-tagħlim virtwali u l-lezzjonijiet online qatt ma jistgħu jissostitwixxu l-klassi fil-ħajja reali, speċjalment ma’ studenti żgħar. Apparti dan, għal numru kbir ta’ edukaturi huwa ħafna aktar diffiċli li tipprova tgħallem u tikkomunika online, li għalih il-preparazzjoni tieħu ħafna ħin, u bħala riżultat il-ħajja tagħhom imtliet b’iktar stress. Dawk li wieġbu li huma wkoll ġenituri ta’ tfal żgħar appellaw biex kulħadd jipprova jifhem id-diffikultajiet eżistenti tagħhom, u qalu li ma jistgħux ikunu mistennija jagħmlu ċerti affarijiet meta jkunu kontinwament qed jieħdu ħsieb lil uliedhom waqt li jippruvaw ikomplu bil-lezzjonijiet, l-emails u l-korrezzjonijiet. Filwaqt li xi edukaturi jħossuhom frustrati bil-fatt li l-ġenituri u l-istudenti jistennew li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom 24/7, oħrajn irrikonoxxew, għall-inqas, li ħafna ġenituri jifhmu li s-sitwazzjoni hija ta’ stress kbir għal kulħadd u qed ikunu aktar kooperattivi. Xi tweġibiet esprimew ukoll aspetti pożittivi oħra ta’ din l-esperjenza, speċjalment iktar ħin għalihom u għall-familja, u inqas stress filgħodu minħabba s-sewqan għax-xogħol u t-tiftix għall-parkeġġ.

saghtarL-MUT tniedi rivista ġdida bit-titlu “Il-Ħsieb”

Ir-riżultati sħaħ ta’ dan l-istħarriġ jinsabu fl-ewwel edizzjoni tar-rivista “Il-Ħsieb”, li l-MUT qiegħda tniedi llum ukoll wara xhur ta’ ħidma. Din il-pubblikazzjoni għandha l-intenzjoni li twassal informazzjoni dwar suġġetti varji u relevanti għall-qasam edukattiv u dak trejdjunjonistiku. Din ser tibda toħroġ darbtejn fis-sena u għandha tikkumplimenta l-komunikazzjonijiet elettroniċi li jintbagħtu regolarment lill-membri b’aġġornamenti aktar immedjati.

F’kumment, il-President tal-MUT is-Sur Marco Bonnici qal li “huwa ta’ sodisfazzjon li qegħdin inniedu din il-pubblikazzjoni ġdida, li qed tagħti xhieda oħra tal-irwol professjonali tal-MUT fil-qasam edukattiv. It-titlu tar-rivista, ‘Il-Ħsieb’, huwa ispirat mill-missjoni doppja tal-MUT, li twaqqfet biex tieħu ħsieb l-interessi tal-membri tagħha filwaqt li taħdem biex is-sistema edukattiva trawwem fl-istudenti l-ħsieb kritiku u intelliġenti.”

Agħfas HAWN biex tniżżel il-pubblikazzjoni, li hija PDF interattiv fejn tista’ tagħfas fuq il-links, u biex taqra r-riżultati tal-istħarriġ.

Comments are closed.