info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
L-anniversarju mit-twaqqif tal-MUT

November 22, 2023 at 9:38 am

L-anniversarju mit-twaqqif tal-MUT

Illum it-22 ta’ Novembru 2023 l-MUT tfakkar għeluq il-mija u erba’ snin minn meta twaqqfet fl-1919. Snin twal ta’ ħidma kbira f’isem l-edukaturi u dawk kollha ta’ rieda tajba li jaħdmu fil-qasam edukattiv.

Din is-sena dan l-anniversarju qed niċċelebrawh f’kuntest ta’ azzjonijiet industrijali li qed jaffettwaw l-ikbar żewġ setturi fil-qasam edukattiv: l-Istat u l-Knisja. Matul dawn il-jiem smajna ħafna dwar il-ħtieġa li l-edukaturi jkunu stmati u li l-wegħdiet li saru matul ix-xhur li għaddew jitwettqu. Bl-istess spirtu ta’ determinazzjoni kbira li mexxiet lill-MUT matul dawn is-snin kollha, l-MUT qed tħeġġeġ lill-edukatruri sabiex ikunu protagonisti fit-tibdil meħtieġ fis-settur edukattiv. Dan jista’ jsir kemm bid-diskussjonijiet kontinwi kif ukoll bl-azzjonijiet industrijali li qed isiru. L-MUT issejjaħ lill-edukaturi kollha sabiex flimkien mat-tmexxija tal-MUT jingħaqdu u jipparteċipaw f’dawn l-azzjonijiet, li għandhom għan wieħed: li pajjiżna jibda jistma lill-edukaturi bil-fatti. Dan hu l-waqt li nimxu id f’id sabiex naslu. M’għandna nħallu ’l ħadd jifridna għall-gwadann personali tiegħu jew tal-ftit. Dak li jistħoqq lilna lkoll m’għandu qatt ikun imxekkel, u kollha kemm aħna għandna l-obbligu li ma nħallu xejn u ’l ħadd ixekkel l-għan tagħna. Ir-rebħa tal-MUT se tkun ir-rebħa għas-settur kollu.

Kif saret tradizzjoni minn meta ġie inawgurat, qegħedna bukkett fjuri fuq il-monument tal-MUT fil-Mall, il-Furjana, xogħol l-artist Chris Ebejer u bil-versi tal-mibki Oliver Friggieri. Dan huwa mument li jfakkarna fit-triq kollha li għaddejna minnha, u jimliena bil-kuraġġ għal dak li ġej.

Grazzi tas-sapport.

Tislijiet
Marco Bonnici – President
Elaine Germani – Viċi President Anzjan
Christopher Vella – Assistent Segretarju Ġenerali

Comments are closed.