January 21, 2020 at 4:28 pm
SAGĦTAR – Sejħa għall-Kontributuri (individwi u entitajiet)
Bħala parti mill-pjanijiet sabiex terġa’ tibda tkun ippubblikata r-rivista popolari “Sagħtar” mis-sena skolastika li jmiss (2020-2021), il-Malta Union of Teachers tħabbar li qed tilqa’ applikazzjonijiet mingħand entitajiet, kittieba, edukaturi u kull min hu interessat li jikkontribwixxi b’xi mod f’din il-pubblikazzjoni. Ir-rivista hi maħsuba li tinħareġ kull xahar bejn Ottubru 2020 u Mejju tas-sena ta’ wara, se tkun tinkludi materjal kemm f’forma stampata kif ukoll f’forma diġitali u se tkun qed titqassam lill-istudenti Maltin u Għawdxin tal-iskejjel primarji, medji u sekondarji. Ir-rivista “Sagħtar” għandha sservi ta’ sors edukattiv għall-istudenti u ta’ vetrina għall-kittieba u l-artisti, kemm dawk stabbiliti kif ukoll dawk emerġenti. Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jkunu ta’ diversi forom, fosthom kitbiet, illustrazzjonijiet, materjal awdjoviżiv, xogħol ta’ riċerka u informazzjoni, materjal rikreattiv u iktar. Dawk interessati huma mħeġġa jinkitbu billi jimlew il-formola li tinsab HAWN.