September 8, 2019 at 4:31 pm
Proposti Relatati mal-Ingaġġ ta’ Għalliema Barranin, l-MUT kontra kull miżura ‘faċli’ li ma ssolvix il-problemi fil-qasam edukattiv
F’reazzjoni għal artiklu li ħareġ illum f’gazzetta dwar diskussjonijiet bejn MEDE u MUT għall-ingaġġ ta’ għalliema barranin, l-MUT terġa’ ttenni dak li ilha tgħid is-snin u li sostniet mal-istess Ministeru. L-MUT tinsisti li biex tibda tiġi indirizzata l-problema, jeħtieġ li jiġu mwettqa l-ħafna proposti li għamlet l-MUT li bħalissa hemm diskussjoni dwarhom. Dawn il-proposti, li whud minnhom l-MUT ppublikat fix-xhur li għaddew, jinsabu HAWN u jinkludu fost l-oħrajn bidla fil-korsijiet, titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluz l-aspetti finanzjarji, inċentivi fl-ingaġġ u miżuri ta’ protezzjoni fost l-oħrajn.
L-MUT qatt m’hi ser taċċetta sitwazzjoni fejn proposti tagħha jibqgħu fuq l-ixkaffa u minflok ma tiġi indirizzata l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema Maltin, jinstabu soluzzjonijiet aktar faċli bl-ingaġġ ta’ għalliema barranin. Fl-aħħarnett l-MUT issostni li rċeviet l-ewwel proposta ta’ ingaġġ ta’ barranin madwar tliet snin ilu u dan ma fissirx li din il-miżura daħlet fis-seħħ jew li ser tidħol.