info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Nindirizzaw il-kriżi fil-professjoni tal-edukaturi

March 28, 2019 at 10:19 am

Nindirizzaw il-kriżi fil-professjoni tal-edukaturi

L-MUT qed terġa’ tqajjem għarfien dwar il-ħtieġa li tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni ta’ kriżi li għandna fil-professjoni fejn il-ħtieġa ta’ edukaturi fil-qasam edukattiv qed tkompli tikber minħabba diversi raġunijiet. Dawn jinkludu:

• Iż-żieda fil-popolazzjoni ta’ studenti fl-iskejjel minħabba studenti barranin;
• Il-bżonn ta’ żieda fis-servizzi li jgħinu studenti li għandhom abilitajiet varji inkluż fil-litteriżmu u l-inklużjoni;
• Iż-żieda fin-numru ta’ suġġetti, li tinkludi l-introduzzjoni ta’ 13 il-suġġett applikat mis-sena d-dieħla;
• Ir-riformi li baqgħu isiru u li jeħtieġu aktar edukaturi sabiex jitwettqu.

Għalkemm l-MUT ilha tisħaq li mhux ser ikollna edukaturi biżżejjed sabiex jilqgħu għal dawn il-ħtiġijiet, sal-lum huma ftit wisq il-miżuri sabiex din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata. L-MUT, bħala Union proattiva, ilha x-xhur issawwar sensiela ta’ proposti li jistgħu jibdew jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ edukaturi. Dawn huma xi wħud mill-proposti li l-MUT ser tkun qed tippreżenta lill-Ministeru tal-Edukazzjoni waqt laqgħa li ntalbet mill-istess Union u li ser issir fil-jiem li ġejjin:

1. Kampanji: L-MUT qed tipproponi kampanji ta’ għarfien dwar korsijiet li jwasslu għall-professjoni kif ukoll kampanji ta’ għarfien dwar is-sejħiet għall-ingaġġ li jinħarġu.

2. Studenti: L-MUT qed tipproponi inċentivi għal studenti li jagħżlu korsijiet li jwasslu għall-professjoni, li jinkludu titjib fl-istipendji u inċentivi fiskali.

3. Korsijiet: L-MUT qed tipproponi li titneħħa n-numerus clausus f’korsijiet li jwasslu għall-professjoni u li l-korsijiet isiru wkoll filghaxija.

4. Kundizzjonijiet tax-xogħol: L-MUT qed tipproponi awditjar estern sabiex jistabillixxi liema fatturi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol qed iwasslu sabiex edukaturi iħallu l-professjoni.

5. Ingaġġ: L-MUT qed tipproponi li jiġu inċentivati edukaturi li għalkemm ikunu laħħqu l-età tal-irtirar, ikunu jridu jibqgħu jagħtu servizz, filwaqt li edukaturi li jkunu qabżu l-età statutorja tal-irtirar ma jiġux sfruttati b’paga inqas minn kemm kienu jirċievu qabel l-irtirar.

6. Protezzjoni: L-MUT qed tipproponi wkoll l-introduzzjoni ta’ indemnity insurance għall-edukaturi kollha bħala waħda mill-miżuri sabiex edukaturi jħossuhom aktar protetti waqt il-ħidma tagħhom.

Għaldaqstant il-Union ser tkun qed tippreżenta dawn il-proposti lill-Ministeru sabiex turi, f’isem l-edukaturi li għandha l-għarfien tagħhom u tirrapreżentahom, li l-MUT hija Union proattiva li mhux biss tikkritika u tiddefendi l-interess tal-edukaturi fejn ikun hemm il-ħtieġa iżda li toħroġ bi proposti u li lesta tiddiskuti l-mod kif l-edukazzjoni f’pajjiżna għandha timxi ‘l quddiem.

Comments are closed.