info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Aġġornata: Superviżjoni mat-tfal minn uffiċjal tal-pulizija flok minn għalliema 

October 24, 2022 at 11:07 am

Aġġornata: Superviżjoni mat-tfal minn uffiċjal tal-pulizija flok minn għalliema 

L-MUT ikkomunikat mal-awtoritajiet tal-knisja u mal-Ministeru tal-Edukazzjoni wara li r-rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir qiegħed iqabbad uffiċjal tal-pulizija sabiex jagħmel dak kollu li jkun hemm bżonn fl-iskola, kif ukoll jagħmel superviżjoni mat-tfal. Dan il-fatt ġie kkonfermat minn diversi sorsi fil-kulleġġ u anki minn ġenituri. Allegatament, dan l-uffiċjal tal-pulizija, li ġie rekrutat bla ebda sejħa, waqt is-superviżjoni uża wkoll metodi ta’ dixxiplina li jintużaw fil-korpi sabiex jiddixiplina lit-tfal. 

Filwaqt li l-MUT tikkundanna tali ingaġġ u aġir, huwa ċar li r-rettur tal-kulleġġ qiegħed jitħalla jmexxi l-iskola mingħajr ebda kunsiderazzjoni tal-obbligi tiegħu, jiġifieri li jipprovdi l-aqwa edukazzjoni għat-tfal u ż-żgħażagħ fdati f’idejh. Minflok, qed imexxi l-kulleġġ bl-aktar mod dillettantesk, saħansitra billi jdaħħal lil min irid fl-iskola biex jagħmel xogħol l-għalliema. Dan biex ma nsemmux ukoll l-isforzi li qiegħed jagħmel sabiex jistieden terzi fil-kulleġġ, li mhumiex kwalifikati fl-istandards edukattivi, ħalli wara li jaraw il-kurituri mżejna u t-tfal fil-klassijiet jgħidu li kollox miexi b’mod normali. 

L-MUT tfakkar li dan il-kulleġġ qiegħed jopera mingħajr liċenzja u huwa ċar li r-rettur qiegħed ikompli jgħaffeġ minflok ma joħroġ lill-iskola mill-kriżi li ħoloq huwa stess. Ir-responsabbiltà ta’ din is-sitwazzjoni trid tintrefa mill-imsemmi rettur, iżda wkoll mill-awtoritajiet tal-knisja u mill-Ministeru tal-Edukazzjoni li mhux qed jaġixxu f’dan ir-rigward. 

3:45PM: Aġġornament dwar l-uffiċjal tal-pulizija fl-iskola San Albert il-Kbir

B’referenza għal dak li ntqal aktar kmieni illum, u l-ġustifikazzjoni qarrieqa li pprova jagħti r-rettur saħansitra permezz ta’ ritratti ta’ uffiċjal bl-uniformi tal-pulizija fil-klassi, l-MUT issostni li l-imsemmi uffiċjal tal-pulizija kien l-iskola fi ġranet oħra u ma kienx liebes uniformi. F’dawn il-ġranet għamel anke superviżjoni mal-istudenti u xogħol ieħor l-iskola. L-MUT jinteressaha li kull min jirfes fl-iskola, sabiex jagħmel xogħol ta’ tagħlim jew superviżjoni mat-tfal, ikun edukatur u mhux uffiċjal tal-pulizija pajżan.

L-MUT terġa’ ssostni li r-rettur qabbad l-imsemmi uffiċjal tal-pulizija liebes pajżan, sabiex jagħmel xogħol l-iskola, li għalih mhux ikkwalifikat u ma għandu l-ebda approvazzjoni mill-awtoritajiet edukattivi. Jekk għar-rettur pulizija jista’ jissostitwixxi għalliema, mela jagħmlu sew l-edukaturi u l-ġenituri li jinkwetaw dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi fil-kulleġġ.

Comments are closed.