October 3, 2026 at 8:48 am
Stqarrija – Settur edukattiv ifqar minn qatt qabel
Is-sentenza tat-Tribunal Industrijali li qieset it-tkeċċija tas-Sur Mario Mallia mill-Kulleġġ San Albert il-Kbir bħala waħda ġusta ħalliet settur edukattiv u edukaturi ifqar minn qatt qabel. Filwaqt li l-MUT għad għandha fiduċja fl-istituzzjonijiet ġuridiċi f’pajjiżna, għalkemm is-saltna tad-dritt hi mittiefsa ferm, is-Sur Mallia mhuwiex it-tellief. Kull edukatur ta’ rieda tajba huwa tellief. Huwa tellief mhux għaliex fis-sentenza t-Tribunal Industrijali sostna li t-tkeċċija kienet ġusta, iżda ghaliex is-sentenza sostniet li min għandu l-prinċipji, għalkemm ġusti, għandu jbaxxi rasu u jiskot. Hu dan l-aspett li jagħmel is-settur ifqar milli kien. Għaliex dak li sar lis-Sur Mallia jista’ jiġri lil kull edukatur. Il-mannara waqgħet fuqna lkoll.
Is-Sur Mallia hu edukatur eżemplari li dejjem ħaddan il-valuri tat-tolleranza, ir-rispett u l-inklużjoni fit-tmexxija tiegħu. Xhieda ta’ dan huma l-mijiet ta’ studenti, ġenituri u edukaturi li dejjem irrikonoxxew, ħaddnu u faħħru dawn il-kwalitajiet tiegħu. It-tmexxija tiegħu, kif ġiet imsemmija fis-sentenza tat-Tribunal Industrijali, kienet waħda orizzontali, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu filimkien, fejn kulħadd iħossu parteċipi fit-tmexxija. Dan kien f’kuntrast mat-tmexxija vertikali tar-Rettur tal-Kulleġġ, kif imsemmi fl-istess sentenza. Nuqqas ta’ qbil fl-istil tat-tmexxija kellu jwassal għal djalogu u ma kellu qatt iwassal għat-terminazzjoni tal-impjieg.
Min qed jifraħ li s-sentenza għamlet ġustizzja mal-ordni li jmexxi l-iskola jagħmel sew li jitlob kull filgħodu u filgħaxija li qatt ma jesperjenza l-imsemmi stil vertikali ta’ tmexxija, la fuq il-post tax-xogħol u mkien aktar. Jagħmel sew ukoll li jsaqsi jekk l-istess stil vertikali tat-tmexxija hux qed jinfluwenza b’mod ħażin lill-istudenti li jattendu l-Kulleġġ San Albert il-Kbir. Għaliex ma nistgħux nippritkaw dwar it-tolleranza u nkunu minn tal-ewwel li bil-fatti naħsdu l-irjus ta’ min għandu fehma differenti minna.
Kull min qed imexxi l-iskejjel tal-Knisja seta’ baqa’ gallarija matul dawn is-snin, bħalma għamlu l-ogħla mexxejja tal-Knisja f’Malta. Seta’ qal li d-deċiżjoni f’dan il-każ ma taffettwahx. Żbaljati immens. Din id-deċiżjoni se taffettwahom illum qabel għada, għaliex mal-mument li jkun hemm nuqqas ta’ qbil mal-ordni li jmexxi l-iskola, it-tkeċċija ta’ edukatur se tkun eħfef, ġustifikata, u għala le, imbierka wkoll. Ngħiduha b’mod ċar. L-ordnijiet reliġjużi qed jimpjegaw għalliema lajċi biex imexxu l-iskejjel għax m’għandhomx għażla oħra. Meta kellhom l-għażla dejjem irrikorrew għal reliġjużi fi ħdan l-ordnijiet, li xi wħud minnhom inħatru mingħajr l-ebda kwalifika fit-tagħlim jew fl-immaniġġjar tal-iskejjel. U jekk ikollhom l-opportunità, bħalma ġara fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir, mhumiex se jaħsbuha darbtejn biex iqaċċtu għalliem lajk biex jagħmlu l-wisa’ għal reliġjuż mill-ordni li ma għandu l-ebda kwalifika u esperjenza fl-iskejjel.
Is-sentenza tat-Tribunal Industrijali se tiffaċilita dan kollu iżda ma tista’ qatt twaqqafna milli naħdmu għal dak li hu sewwa. Ma tista’ qatt tikkomprometti l-prinċipji li nħaddnu. U ma tista’ qatt tagħlqilna ħalqna kontra l-inġustizzji, ġejjin minn fejn ġejjin.
Ritratt: l-MUT u s-Sur Mario Mallia fl-2022




