August 30, 2021 at 4:45 pm
Stqarrija: Reazzjoni għall-pubblikazzjoni tal-inkjesta relatata mat-tibdil tal-marki ta’ studenti tal-Form 5
Ir-rapport tal-inkjesta jikkonferma l-fatt li tbiddlu xi marki li ddaħħlu mill-għalliema u li studenti li m’attendewx skola fil-Form 5 ħadu marka li mhix dik li daħħlu l-għalliema tagħhom. Ir-rapport jikkonferma wkoll li dan sar kollu mingħajr konsultazzjoni mal-għalliema u r-rappreżentanti tagħhom. L-MUT għandha wkoll riservi kbar dwar l-oġġettività ta’ din l-inkjesta, hekk kif għal aktar minn darba matul il-proċess, il-union kellha toġġezzjona kemm għal wieħed mill-membri tal-bord u anki għall-mod kif bdew jitmexxew il-proċeduri, inkluż meta uffiċjal għoli fil-Ministeru aġixxa bħala s-Segretarju tal-Bord.
Apparti dan, l-MUT tinnota wkoll li b’din l-inkjesta ħarġu disa’ rakkomandazzjonijiet li juru li l-iskrutinju kontinwu mill-MUT u l-membri tagħha fuq il-metodi tal-Ministeru huwa wieħed ġustifikat. Fosthom hemm li l-‘projected marks’ li ngħataw għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar bħala tali fuq ir-riżultat tal-istudenti u m’għandhomx jiġu kkunsidrati għall-finijiet ta’ premjazzjonijiet; li ċ-ċirkularijiet, speċjalment ta’ natura sensittiva bħal din, għandhom ikunu ċari u jindikaw li dawn jorbtu ma’ ċirkularijiet preċedenti; li f’każ ta’ tibdil fid-direzzjoni l-uffiċjali u l-kapijiet tal-iskejjel għandhom ikunu m’għarrfa b’dan it-tibdil. Il-bord jirrakkomanda wkoll li għandu jkun hemm aktar kommunikazzjoni u kollaborazzjoni effettiva bejn id-dipartimenti fi ħdan il-Ministeru, xi ħaġa li l-MUT ilha s-snin tisħaq fuqha. Il-fatt li l-bord xorta sab xi jgħid dwar il-Ministeru juri s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Ministeru u li l-MUT għandha raġun toġġezzjona fuq il-mod kif qed isiru ċertu affarijiet.
L-MUT tistenna li x-xogħol tal-għalliema jittieħed aktar b’serjetà u li dawn jiġu trattati tal-professjonisti li huma.