March 13, 2019 at 2:48 pm
Stqarrija: L-MUT tirbaħ każ fit-Tribunal Industrijali dwar tkeċċija inġusta ta’ tliet membri mill-impjieg
L-MUT tilqa’ b’sodifazzjon is-sentenza mit-Tribunal Industrijali li fiha tliet membri tal-Union ingħataw kumpens ta’ €6,000 (sitt t’elef ewro) kull wieħed wara li l-impjieg tagħhom ġie terminat b’mod inġust u bi ksur ta’ liġi mill-Garendon School li kienet rappreżentata quddiem it-tribunal mill-Avukat Andrew Borg Cardona. Kienu tliet edukaturi tal-kindergarten li jaħdmu fuq bażi full-time mal-iskola Garendon li fl-2013 kienu ġew infurmati li l-impjieg tagħhom kien ġie terminat fejn ir-raġuni tat-tmiem tal-impjieg li ingħatat kienet ta’ “business closed down”. Fis-sentenza, it-tribunal iddikjara li dan ma kienx veru mill-provi li rriżultaw, u għaldaqstant it-tmiem tal-impjieg ma kienx ġustifikat. L-MUT tirringrazzja lill-Avukat Michael Tanti Dougall tal-assistenza legali matul il-każ.