info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Stqarrija: L-Irwol tal-Edukaturi ma jistax Jibqa’ Jiġġebbed

July 11, 2018 at 8:36 am

Stqarrija: L-Irwol tal-Edukaturi ma jistax Jibqa’ Jiġġebbed

L-MUT issostni li filwaqt li l-proposta għal superviżjoni waqt it-trasport tal-istudenti hija waħda tajba, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ma jistax jibqa’ jippretendi li r-rwol tal-edukaturi jibqa’ jiġġebbed sabiex jilqa’ għall-ħtiġijiet kollha li joħorgu minn wegħdiet li jidhru sbieħ fuq il-karta iżda li meta jitħabbru ma jkun hemm l-ebda pjan kif jistgħu jitwettqu. Dan qiegħed jingħad fid-dawl tal-informazzjoni mxandra dwar in-nuqqas ta’ interess minn edukaturi fis-superviżjoni tat-trasport tat-tfal tal-iskejjel.

Ta’ min isemmi li l-Union mhix sorpriża b’din l-aħbar u kienet minn tal-ewwel li esprimiet it-tħassib dwar kemm l-edukaturi ser ikunu qed jipparteċipaw f’din l-inizjattiva. Dan sostnietu f’mill-inqas żewġ laqgħat li kellha mal-awtoritajiet konċernati fejn f’waħda minnhom kien hemm preżenti wkoll rappreżentanti ta’ kumpanija privata li ġiet imqabbda sabiex tagħmel l-istudji preparatorji għal dan is-servizz.

Filwaqt li l-aspett loġistiku tas-servizz propost jikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ interess, liema nuqqas hu pprevist ukoll għas-sejħiet minn barra, ir-responsabbiltà ta’ superviżjoni ma’ numru ta’ studenti li jista’ jaqbeż il-ħamsin huwa fattur ieħor li ma tistax tittraskurah. Dan filwaqt li l-ħlas propost ma jista qatt jagħmel tajjeb għall-ħtiega li edukaturi jkollhom jaslu fil-‘pick up point’ bil-vettura tagħhom, iħalluha pparkjata hemm u wara jerġgħu jagħmu l-istess bil-ħsieb li jekk tinqala emerġenza familjari matul il-jum ikollhom il-vettura tagħhom ipparkjata ‘l bogħod, f’xi każi n-naħa l-oħra ta’ Malta. Id-diffikultajiet loġistiċi huma saħansitra agħar f’xi każijiet għal min ser jaċċetta li jagħti dan is-servizz u jispiċċa bi vjaġġ lejn direzzjoni waħda filgħodu u ieħor differenti waranofsinhar. F’dan il-każ ta’ min jistaqsi kif wieħed jista’ jaħdem il-loġistika marbuta ma’ dan.

Għaldaqstant l-MUT tappella lill-Ministeru sabiex janalizza sew u jindirizza r-raġunijiet veri wara n-nuqqas ta’ interess mill-edukaturi. Il-Union tisħaq ukoll il-ħtieġa li l-persuni li ser jiġu fdati sabiex joffru dan is-servizz għandu jkollhom il-kredenzjali kollha sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu superviżjoni mal-istudenti.

Comments are closed.