October 2, 2018 at 1:11 pm
Konferenza stampa: L-Att dwar l-Edukazzjoni l-Ġdid huwa Assedju fuq il-Professjonalità u s-Sistemi Edukattivi
L-MUT tagħmel referenza għall-Att dwar l-Edukazzjoni l-ġdid li qiegħed jiġi propost mill-Gvern. Filwaqt li l-Gvern għamel numru ta’ sessjonijiet ta’ konsultazzjoni dwar l-att propost, l-MUT saret taf fl-aħħar jiem li l-verżjoni finali qiegħda quddiem il-Parlament sabiex tiġi diskussa fis-seduti li jmiss. L-Att jikkonsisti fi tliet dokumenti, numru 53, 54 u 55, li jinsabu online fis-sit tal-Parlament. In-nuqqas ta’ informazzjoni u aġġornament dwar dan l-Att, qabel ma ġie ppreżentat, iqanqal tħassib serju u l-MUT hija ddiżappuntata b’din l-attitudni dwar xi ħaġa daqstant importanti li ser tibdel b’mod estensiv is-settur edukattiv.
Meta wieħed iħares lejn l-Att propost ma ttieħx tort li jikkonkludi li dan l-eżerċizzju ta’ reviżjoni totali tal-liġi huwa assedju fuq il-professjoni u s-sistemi edukattivi. Minflok ser ikompli jibni fuq it-tajjeb, ser ikun qiegħed iħott numru ta’ prinċipji li fuqhom hija mibnija l-edukazzjoni f’pajjiżna. Fil-fatt l-MUT xtarret sew il-kontenut tal-Att u dawn huma xi ftit eżempji ta’ dan:
1. Daqshekk Permanent Warrants inkluż min diġà għandu wieħed
L-Att il-ġdid jirrevoka retroattivament kull warrant permanenti li għandhom l-għalliema u minflok jipprovdi warrant li jiskadi li kulħadd. Dan għaliex l-Att jorbot il-warrant ma’ taħriġ kontinwu u test ta’ profiċjenza. L-MUT toġġezzjona bil-qawwa kollha għal din id-deċiżjoni u tqis dan bħala l-ewwel attakk fuq il-professjoni minn mindu beda l-istatus professjonali tal-għalliema fl-1988. Il-ħtieġa ta’ taħriġ kontinwu diġà qegħda fis-seħħ permezz tal-ftehim eżistenti u għaldaqstant ħaġa bħal din ma kelliex tinstab fl-Att, u wisq anqas marbuta mal-warrant.
2. Nuqqas ta’ lista ta’ x’għandek bżonn biex tingħata warrant
L-Att il-ġdid ma jinkludlix deskrizzjonijiet tal-ħtiġijiet sabiex persuna tingħata warrant ta’ għalliem, liema referenza tinsab fl-att eżistenti. L-istess jista’ jingħad għal dak li hu meħtieġ sabiex KGE u LSE jingħataw liċenzja. L-MUT toġġezzjona għal din l-ommissjoni, li tista’ twassal għal interpretazzjonijiet diversi u ta’ konvenjenza, biex ma ngħidux abbuż, ta’ x’inhu meħtieġ biex tikseb warrant jew liċenzja.
3. Home-schooling minn persuni mhux kwalifikati
L-Att il-ġdid jipprovdi għal tagħlim fid-dar (home-schooling). Filwaqt li jinkludi lista twila ta’ meta dan jista’ jiġi mħaddem, inkluż f’każi bħal meta l-filosofija tal-ġenituri ma taqbilx ma’ dik tal-iskola, ma jinkludix il-ħtieġa ta’ warrant sabiex jingħata l-permessi meħtieġa. L-MUT terġa’ ttenni li estremiżmu u abbużi moħbija ser ikunu r-riżultat ta’ deċiżjoni bħal din fejn kulħadd ikun jista’ jgħallem li jrid jew inkella ma jibgħatx lit-tfal skola biex jaħbi abbużi li jkun qiegħed iwettaq fuq it-tfal innifishom. L-MUT ghamlet diversi rappreżentazzjonijiet dwar dan u tħoss li l-Gvern qiegħed iċedi prinċipju importanti u li jagħti ftit serħan il-moħħ li l-persuna responsabbli hi kwalifikata. L-MUT tibqa’ tinsisti li dan il-provvediment, fejn ma hux neċessarju bħal f’każi ta’ mard, huwa biss ta’ dannu għall-istudent u hu perikoluż għas-soċjetà.
4. Il-Kap tal-Iskola personalment responsabbli għal-liċenzja tal-iskola
L-Att il-ġdid jistipula li d-detentur tal-liċenzja biex titmexxa skola huwa personalment responsabbli fid-dawl tal-liġi u jsemmi l-kap tal-iskola bħala d-detentur tal-liċenzja. L-MUT toġġezzjona li l-kapijiet jistgħu jitqiesu personalment responsabbli filwaqt li l-kapijiet tal-iskejjel tal-istat qatt ma jistgħu ikunu d-detenturi tal-liċenzja meta dawn għandhom kontroll limitat ħafna fuq dak li jiġri fl-iskola, inkluż fuq l-ingaġġ, finanzi, riżorsi, kurrikulu u policies dwar aspetti varji tat-tmexxija maħruġa mid-Direttorati.
5. Bidla fl-Istrutturi u l-Bordijiet li jsarrfu f’żieda fil-Kontroll
L-Att il-ġdid joħloq kummissjoni li tikkontrolla dak kollu li għandu x’jaqsam mal-iskejjel u s-servizzi, liema kummissjoni ser tkun qed titmexxa minn bordijiet ikkontrollati sew mill-gvern permezz ta’ nominazzjonijiet tar-rappreżentanti tiegħu. L-MUT tisħaq li żewġ entitajiet differenti, u li qed jaħdmu tajjeb, li huma waħda għall-edukazzjoni għolja u l-oħra għal dik pre u compulsory, ser jiġu amalgamati u ser tinħoloq struttura enormi u kumplessa li mhux bilfors ser issarraf f’edukazzjoni ta’ kwalità aħjar.
6. Ġbir ta’ Informazzjoni Estensiva
L-Att il-ġdid ser jerġa’ jinkludi r-referenza għall-ġbir ta’ data dwar l-istudenti, liema deċiżjoni kienet qajment furur ftit tax-xhur ilu u kienet ġiet irtirata. L-MUT tinsisti li filwaqt li dan għandu jittieħed fil-kuntest tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR), il-ġbir ta’ data għandha tkun limitata għal dak li hu meħtieġ.
7. Sigurtà preventiva u pieni għal min jikser il-liġi hija opportunità mitlufa
L-Att il-ġdid jinkludi sanzjonijiet għal min jikkawża ġrieħi lill-għalliema. Filwaqt li din il-klawżola għandha tinfetaħ għall-edukaturi kollha inkluż LSEs, KGEs u anki SMT kif rajna f’każijiet riċenti, is-sanzjonijiet imsemmija jistgħu jlaħħqu massimu ta’ €5000 u żgur li m’huma ta’ ebda deterrent sabiex ir-reat ma jseħħx. L-MUT tinsisti li l-Att kellu jinkludi wkoll miżuri preventivi inkluż l-ingaġġ ta’ membri tas-sigurtà f’kull skola.
L-MUT ser tkompli tagħmel pressjoni sabiex dawn il-miżuri ma jittieħdux u l-oġġezzjonijiet imsemmija u osservazzjoijiet oħra dwar l-Att jaslu fil-kamra tad-deputati bil-għan li l-Att jiġi diskuss u rivedut. L-MUT ser tkun qed tibgħat ukoll dokument dwar dan lill-Membri Parlamentari kollha fejn ser titlob li jkun hemm l-emendi meħtieġa sabiex l-Att ma jkunx ta’ detriment għall-edukazzjoni ta’ pajjiżna, kemm għall-edukaturi, għall-istudenti u fl-aħħar mill-aħħar għas-soċjetà kollha.