June 28, 2019 at 8:59 am
Stqarrija: Kontradizzjoni mill-Ministeru għall-Edukazzjoni fi ftit jiem – l-MUT toġġezzjona deċiżjonijiet u riformi bla ftehim u bla konsiderazzjoni
Bħal sajjetta fil-bnazzi fi tmiem sena skolastika l-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar riforma oħra fis-sistema edukattiva, din id-darba fl-iskejjel primarji. Filwaqt li din ir-riforma ma kienet qatt ġiet diskussa mal-MUT fit-taħditiet tal-Ftehim Settorjali, u għaldaqstant mhix inkluża fl-ebda ftehim, l-MUT tinnota li jeżistu mill-inqas żewġ kurrenti fl-istess Ministeru li mhumiex qed jaħdmu flimkien. Dan għaliex din is-sena beda proċess ta’ tibdil fil-Primarja fejn qed jiddaħħlu forom ta’ assessjar kontinwu minbarra l-eżamijiet. It-tali assessjar qed jiddaħħal gradwalment u ser jimxi mal-istudenti sena wara l-oħra, sabiex studenti li llum qegħdin fit-tielet sena u li ser ikunu fis-sitt sena fis-sena skolastika 2021/2022 ser ikunu qed jesperjenzaw is-sistema sħiħa ta’ assessjar kontinwu li tinkludi l-eżamijiet tal-aħħar tas-sitt sena, jew kif inhu magħruf, il-benchmark.
Ir-riforma l-ġdida, li tħabbret ilbieraħ, ser tneħħi l-eżami tal-aħħar tas-sitt sena fl-2021, u ser taffettwa lil grupp ta’ studenti li ma hux affettwat mill-bidla fl-assessjar li qed isir. Dan ifisser li l-pjanijiet eżistenti tal-assessjar fil-Primarja ser jaraw bidla radikali fid-direzzjoni qabel ma l-istudenti affettwati jkunu esperjenzaw l-assessjar kif qiegħed jiġi mibdul. Huwa ċar li din id-deċiżjoni qed issir mingħajr konsiderazzjoni, mingħajr direzzjoni u b’inkonsistenza kbira mal-ħidma li saret u qed issir fl-assessjar. L-MUT issostni li dak li ġie propost mhuwiex riflessjoni tal-fehma tal-edukaturi u lanqas ma huwa konformi mal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali tal-2012, li jistabbilixxi li l-assessjar permezz ta’ eżami fuq livell nazzjonali għandu jinżamm fis-sitt sena tal-Primarja.
Apparti dan, wieħed ma jistax ma jinnutax kif il-Ministeru għall-Edukazzjoni qiegħed jikkontradixxi wkoll lilu nnifsu fi ftit jiem. Dan wara li għamel kruċjata sħiħa sabiex l-istudenti ma jitilfux l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika minħabba tilwima industrijali meta issa, ftit jiem wara, qiegħed iħabbar li ser ineħħi l-eżamijiet formali tal-Malti, Ingliż u l-Matematika tas-sitt sena.
Meta tħares lejn ir-rapport li ġie ppreżentat, mill-ewwel tinduna li dan hu rapport antik u li ma jikkunsidrax it-tibdil li qed isir. Ir-rapport iġib id-data Ġunju 2018 u għaldaqstant dan għamel sena fuq l-ixkaffa qabel ma ġie ppreżentat. Ta’ min jinnota li l-proposti mressqa jispeċifikaw tibdil li kellu jsir matul din is-sena skolastika, liema tibdil ma sarx minħabba li r-rapport ma ħariġx. Għaldaqstant wieħed jistaqsi għaliex dan ir-rapport ġie ppreżentat issa, sena wara li kien konkluż u fi tmiem sena skolastika. L-MUT fil-passat ikkritikat diversi amministrazzjonijiet edukattivi li kienu jħabbru tibdil jew riformi matul ix-xhur tas-sajf. Dan kien isir konvenjentement għaliex l-edukaturi jkollhom inqas opportunità li jiddiskutu l-proposti fl-iskejjel u jiffurmaw pożizzjonijiet dwar dak li jkun qiegħed jiġi propost. Jidher issa li t-tali tattika qed terġa’ tintuża.
Fl-aħħar nett l-MUT tisħaq li qatt ma rat il-25 proposta li ġew ippreżentati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, u dawn lanqas ma ġew ippreżentati fil-Bord tal-Implimentazzjoni tal-Qafas tal-Kurrikulu fejn hemm l-imsieħba kollha inkluż l-MUT (l-NCF). L-MUT ser tkun qed toġġezzjona bil-qawwi ġaladarba l-ftehim li għandha fil-preżent jinkiser mill-istess Ministeru permezz ta’ riformi ġodda.