August 2, 2019 at 11:45 am
Stqarrija: Ir-reazzjoni tal-MUT għar-riforma proposta fil-MATSEC
Wara konsultazzjoni mal-membri tagħha, l-MUT qiegħda tieħu pożizzjoni rigward ir-riformi riċenti li ġew proposti, u se tkun qed tagħti reazzjoni dettaljata lill-MATSEC direttament. Biss, dawn huma xi punti importanti li l-MUT tixtieq tiġbed l-attenzjoni dwarhom.
L-ewwel nett ta’ min jinnota li l-informazzjoni pprovduta fid-dokument konsultattiv kienet waħda fjakka, li kien hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni qabel ħareġ id-dokument, u anki ż-żmien meta ħarġet, jiġifieri ġimgħa qabel it-tmiem tas-sena skolastika. Il-partijiet interessati kollha fil-fatt saru jafu biss permezz tal-media. Riformi serji ma jsirux b’dan il-mod daqstant leġġer, speċjalment meta riforma bħal din se tibdel radikalment ir-rekwiżiti fil-livell postsekondarju u terzjarju.
Rigward il-kontenut tar-riforma, hemm tħassib kbir dwar ħafna mit-tibdil, speċjalment fejn hu radikali. L-assessjar kontinwu mhuwiex riflessjoni tas-sillabi tal-livell postsekondarju, m’hemmx mekkaniżmi dwar kif din ser taħdem, il-Malti u l-Ingliż ġew injorati kompletament, b’mistoqsijiet kbar dwar il-futur tagħhom, fis-Systems of Knowledge l-edukaturi ma jafux kif ser jinbidel xogħolhom, b’tibdil drastiku fis-suġġett, u l-lingwa barranija hemm tħassib kbir dwarha peress li se tibdel l-għażliet u r-rekwiżiti tal-istudenti għal-livell terzjarju. Dwar din tal-aħħar l-MUT taqbel li lingwi barranin għandhom ikunu rekwiżit biss sabiex student jidħol fil-livell postsekondarju.
L-MUT għandha tħassib kbir ukoll dwar kif il-MATSEC se tkun qed tkompli tiddetermina dak li jiġri fl-istituzzjonijiet edukattivi fis-settur postsekondarju, meta t-tibdil għandu jiġi mis-settur u l-MATSEC tirrispondi għalih bħala service provider. Hemm tħassib ukoll dwar kif erġajna morna għal sistema antika fejn l-eżamijiet iridu jsiru kollha flimkien. Filwaqt li l-Unjoni Ewropea qed iżżid l-aċċessibilità għat-tagħlim sabiex wieħed ikollu l-kwalifiki meħtieġa għad-dinja tal-lum, f’Malta għandna sitwazzjoni fejn qegħdin naraw x’nivvintaw sabiex nagħmlu l-ħajja dejjem aktar diffiċli għall-edukaturi u għall-istudenti tagħna. Din hija inaċċettabbli, speċjalment jekk tasal li tbiegħed lill-istudenti mill-edukazzjoni tagħhom minħabba regoli li jidhru arbitrarji.
Fl-aħħar nett, ir-riforma se tkun qed tibdel il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi fl-istituzzjonijiet postsekondarji, ħaġa li bħalissa hija ta’ tħassib kbir għal dawn il-gradi, u allura l-MUT tistenna li kwalunkwe riforma ta’ dan it-tip tkun diskussa magħha. L-MUT qed terġa’ ttenni wkoll it-talba li diġà għamlet lill-Gvern, u li s’issa waqgħet fuq widnejn torox, biex jibdew in-negozjati tal-gradi fil-livell postsekondarju.