June 4, 2019 at 3:00 pm
Stqarrija: Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jipprova jiskapriċċa lill-MUT
F’attentat biex jipprova jakkwista karti tal-eżamijiet ta’ malajr, il-Ministeru qed jipprova jirreplika dak li ġara f’nofs fl-eżamijiet ta’ nofs is-sena meta l-istudenti ingħataw karti tal-eżami li ma jinħadmux b’mistoqsijiet mhux fis-sillabu, karti kkupjati mis-snin ta’ qabel u mhux tal-livelli tal-istudenti. F’komunikazzjoni li ntbagħtet lill-iskejjel tal-Knisja mill-kurja, u li waslet għand l-MUT, jidher biċ-ċar li l-Ministeru għall-Edukazzjoni issa qed juża lill-kurja sabiex ikun jista’ jakkwista karti tal-eżami tal-Malti u l-Matematika li saru minn għalliema tal-iskejjel tal-knisja għall-istudenti tagħhom. Dan sabiex joħroġhom għall-istudenti tal-iskejjel tal-Istat.
Filwaqt li din hija manuvra li ma tagħmilx ġieh lill-istess Ministeru, fejn qiegħed jipprova jiskapriċċa l-istess MUT, dan huwa wkoll disservizz lejn l-istudenti. Huwa fatt magħruf li l-mod kif jiġu mgħallma u assessjati s-suġġetti fl-iskejjel tal-Knisja jvarja immens, kemm bejniethom u kif ukoll mal-iskejjel tal-Istat. Huwa żgur li ma jistgħux jiġu ppreżentati karti tal-eżamijiet tal-iskejjel tal-Knisja fl-iskejjel tal-istat jew viċe versa. Minflok ma għamel dak kollu li kien meħtieġ sabiex jindirizza sitwazzjoni li ilha għaddejja minn Settembru 2018, il-Ministeru qiegħed jipprova saħansitra juża l-għalliema tal-iskejjel tal-Knisja sabiex jindirizza l-falliment fil-kwistjoni, liema falliment huwa dovut biss għal tkaxkir tas-saqajn u nuqqas ta’ azzjoni f’waqtha sabiex tinstab soluzzjoni. L-MUT tikkundanna dan l-aġir u qed tiddikjara tilwima industrijali mal-Ministeru għall-Edukazzjoni. Dan filwaqt li b’mod immedjat qed tagħti direttiva lill-membri tagħha fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex sabiex ma jgħaddux karti tal-eżami lill-kurja jew direttament lill-istess Ministeru.
Sadattant, l-MUT tfakkar li l-aġir tagħha huwa dovut għal sitwazzjoni li jekk ma tiġix indirizzata fix-xhur u s-snin li ġejjin ser tmur għall-agħar, fejn il-Union tipprevedi nuqqas ta’ għalliema mhux fil-Malti u Matematika biss iżda f’diversi suġġetti oħra. Jekk is-sitwazzjoni tiġi indirizzata, dan ikun ta’ benefiċċju kemm għall-għalliema u fl-aħħar mill-aħħar anki għall-edukazzjoni tal-istudenti.