info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Rebħa għall-MUT – l-anomalija tal-LSE2 konkluża b’mod pożittiv kif mitlub mill-MUT

March 5, 2020 at 10:28 am

Rebħa għall-MUT – l-anomalija tal-LSE2 konkluża b’mod pożittiv kif mitlub mill-MUT

Wara li lbieraħ ġie konkluż il-ġbir ta’ informazzjoni minn għand LSE2s li ġew appuntati fl-2017, l-MUT kienet lesta biex iddaħħal il-każ tal-grievance dalgħodu mal-uffiċju tal-Prim Ministru. Biss, eżatt kif ħarġet fil-pubbliku n-notifika tagħna dwar dan, ġejna kkuntattjati immedjatament mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni fejn mill-Ministeru qalulna li lesti jiltaqgħu sabiex tinstab soluzzjoni biex tiġi evitata din il-proċedura.

Din il-laqgħa urġenti saret dalgħodu kmieni u bi pjaċir nistgħu inħabbru li bejn il-Ministeru u l-MUT ġie maqbul dan li ġej:

1) L-LSE2s li ġew appuntati fl-2017 ser jitilgħu minn skala 12 step 1 għal step 3 mid-data ta’ meta ġew appuntati (back-dated). Dan ifisser li dawn l-LSE2s KOLLHA konċernati ser ikollhom is-salarju aġġustat mill-2017, bl-arretrati kollha dovuti. Dan ifisser ukoll li fl-2020 dawn l-LSEs ser ikunu skala 12 step 6 flok step 4.

2) Bl-istess mod, LSE2s li ġew appuntati fl-2018 ser jieħdu skala 12 step 3 (minflok step 1) mid-data li fiha ġew appuntati (back-dated) inkluż l-arretrati. B’hekk, fl-2020 dawn ser ikunu skala 12 step 5 flok 12 step 3.

Dan huwa dak li kienet qed titlob l-MUT u issa ħareġ ċar li kellna raġun mill-bidu. Għaldaqstant din hija rebħa kbira mill-MUT għall-LSE2s fejn minn issa ‘l quddiem, sa fl-aħħar nistgħu ngħidu li sa ssir ġustizzja u kulħadd ser jieħu l-iskala u l-istep tiegħu. L-MUT ilha tiġġieled għal dan b’kull mezz possibbli, għamlet numru kbir ta’ laqgħat mal-Ministeru u mal-OPM u ħadmet qatigħ biex din l-anomalija tissolva.

L-MUT tqis dan il-każ konkluż u tistenna li dawn LSE2s jirċievu dak kollu dovut lilhom mill-aktar fis possibbli. Id-direttiva konnessa ma’ din l-issue, jiġifieri dik dwar l-IEPs, qegħda tiġi rtitata.

Comments are closed.