info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Reazzjoni għall-konferenza stampa tal-gvern – l-MUT għaddejja b’diskussjonijiet mal-Ministeru fuq id-dettalji tal-ftuħ

April 7, 2021 at 12:02 pm

Reazzjoni għall-konferenza stampa tal-gvern – l-MUT għaddejja b’diskussjonijiet mal-Ministeru fuq id-dettalji tal-ftuħ

L-MUT tinnota d-deċiżjoni mħabbra mill-gvern dwar il-ftuħ tal-iskejjel. L-MUT tittama li bir-rilaxxar ta’ dawn il-miżuri daqstant kmieni ma jerġax ikollna mewġa oħra ta’ każijiet li jipperikolaw is-saħħa ta’ kulħadd u jagħmluha insostenibbli għall-iskejjel biex joperaw. Id-deċiżjonijiet u r-responsabbiltà dwar il-ftuħ tal-iskejjel fl-aħħar mill-aħħar huma tal-gvern.

Ta’ min jgħid li d-deċiżjoni tħabbret meta l-MUT kienet għadha għaddejja bid-diskussjonijiet mal-Ministru Caruana, u għaldaqstant id-dettalji tad-deċiżjoni mħabbra ma tinkludix dak li qed jiġi diskuss. L-MUT qed tisħaq li għandu jkun hemm ‘staggering’ għaqli tad-dħul lura fl-iskejjel, li jfisser li gruppi differenti fl-istess skola jidħlu ġurnata wara l-oħra sabiex l-iskola tilħaq in-numri ta’ studenti flimkien fuq medda ta’ jiem. L-MUT lesta li tkompli tiddiskuti d-dettalji mal-Ministeru fid-dawl ta’ dak li tħabbar. L-MUT tistenna wkoll diskussjoni sabiex jitħabbru il-miżuri li ser ikunu qegħdin jittieħdu sabiex l-eżamijiet, fosthom, tas-SEC u l-Matrikola (livell intermedjarju u dak avvanzat) ikunu jistgħu isiru.

L-MUT tinnota wkoll ir-referenza għall-vaċċin tal-edukaturi u tfakkar li għad hemm mijiet ta’ edukaturi li għadhom ma rċevewx l-appuntament għall-ewwel doża, filwaqt li l-appuntamenti għat-tieni doża jibdew minn Mejju li ġej. Ma ninsewx ukoll li bil-varjant issa hemm it-tfal ukoll li qegħdin jieħdu l-virus f’numru akbar, u bħal ma nafu t-tfal taħt is-sittax-il sena ma ħadux tilqim. Dan ifisser li l-komunità kollha, partikolarment familji u nies li jiġu f’kuntatt mat-tfal u mal-ħaddiema kollha fl-iskejjel, għandha tkompli ssegwi l-miżuri kollha skont il-protokolli.

L-MUT tikkundanna lil min qed jagħmel referenzi li bħal li kieku l-ħidma mill-edukaturi f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur kienet tfisser telf għall-istudenti. Dan mhux il-każ, kif jixhdu l-istess edukaturi, ġenituri u studenti. Fl-aħħar nett, l-MUT tirringrazzja lill-edukaturi kollha għax xogħol kbir li għamlu sabiex addattaw fiċ-ċirkustanzi diffiċli li ninsabu fihom.

Comments are closed.