info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
MUT holds meeting with Alternattiva Demokratika

February 5, 2018 at 12:41 pm

MUT holds meeting with Alternattiva Demokratika

The MUT held a meeting with Alternattiva Demokratika and discussed various topics related to education. The Union thanks AD and appreciates their interest in the Union’s work and related issues. More information in the following Press Release issued on the day:

PR24/01/2018 Żjara ta’ Kortesija minn Alternattiva Demokratika lill-Malta Union of Teachers

Delegazzjoni minn Alternattiva Demokratika għamlet żjara ta’ kortesija lill-Malta Union of Teachers li waqtha ġew diskussi numru ta’ punti li jolqtu mill-qrib is-settur edukattiv.

Ġiet diskussa l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ għalliema li ġejja mill-fatt li inqas żgħażagħ qed jagħżlu li jagħmlu l-edukazzjoni il-karriera tagħhom. Alternattiva Demokratika fakkret fil-proposta li kienet għamlet fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet li jitwaqqaf task force biex jidentifika r-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni. Ġie diskuss il-fatt li l-ftehim kollettiv ġdid għandu jagħmel differenza pożittiva permezz ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tal-gradi kollha tal-għalliema. Madanakollu ġie enfasizzat il-bżonn li tingħata titwila lejn aspetti oħra fosthom il-fiduċja u l-istima li jgawdu l-għalliema mhux biss mill-awtoritajiet edukattivi imma mis-soċjeta’ ġenerali. Dawn huma żewġ aspetti importanti li jispikkaw fil-mudell Finlandiż meqjus bħala wieħed mill-aħjar fid-dinja.

Id-diskussjoni ffukat ukoll fuq l-awtonomija li jgawdu l-għalliema. AD saħqet fuq il-bżonn ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu iktar u iktar fl-iskejjel individwali fi sfond ta’ direzzjoni nazzjonali. AD esprimiet is-sodisfazzjon li sar pass ‘il quddiem biex l-iżvilupp professjonali tal-għalliema ikun inqas preskrittiv u jintagħżel skont il-bżonnijiet ta’ kull għalliem u LSE. Fl-istess waqt uriet tħassib għal proposti rigward is-SEC li jistgħu joħonqu s-sens ta’ awtonomija tal-iskejjel u l-għalliema fil-klassi filwaqt li jifframmenta t-tagħlim u l-għerf. Fuq l-Universita’ wriet it-tħassib tagħha wkoll għal proposta li jkun hemm kontroll ikbar tal-istat fuq l-Universita’ u min imexxiha.

Ġew diskussi wkoll aspetti li jirrigwardaw il-politika edukattiva partikolarment il-bżonn ta’ politika fuq il-ġeneru li sseddaq l-ugwaljanza u r-rispett bejn is-sessi. Dan fl-isfond tad-deċiżjoni li anke fl-iskejjel sekondarji tal-istat, il-bniet u subien jitgħallmu flimkien. Dan l-isforz huwa neċessarju sabiex pjagi soċjali frott ta’ sterjotipi, disugwaljanzi u l-vjolenza abbażi ta’ sess jiġu ndirizzati b’mod sistematiku.

Saret referenza wkoll għall-wegħdiet elettorali li jwieżnu progress ekonomiku mingħajr ma jagħtu biżżejjed każ ta’ kif dawn id-deċiżjonijiet jaffettwaw lit-tfal u l-livell ta’ servizz li jixirqilhom. Fil-laqgħa ġew diskussi wkoll aspetti ta’ inklużjoni, kif ukoll is-sitwazzjoni fl-MCAST.

Comments are closed.