October 14, 2021 at 4:54 pm
Messaġġ mill-President tal-MUT, Marco Bonnici
Għeżież membri,
Bil-qorti tirrikonoxxi d-dritt tal-MUT li tordna direttivi wara li l-Ministeru tal-Edukazzjoni pprova jagħmel sarima mal-union u l-edukaturi b’mandat, illum hija ġurnata importanti ħafna għalina. Importanti kemm bħala union fil-qasam edukattiv, fejn bħal ma tafu naħdmu bla waqfien biex niġġieldu għad-drittijiet tal-edukaturi, u importanti wkoll għall-messaġġ ċar mill-qrati favur id-dritt tal-azzjonijiet industrijali.
Fil-qasam edukattiv, fil-ġranet ta’ qabel ma bdew l-iskejjel, kellna numru ta’ movimenti mill-Ministeru. Wara ġimgħat u xhur nisimgħu li kollox kien ippreparat u lest, sibna ma’ wiċċna deployments tal-aħħar minuta għal numru ta’ edukaturi fis-servizzi, għalliema peripatetiċi, complimentary, tas-suġġetti u ħafna oħrajn. Wara sajf jippreparaw għas-sena skolastika, li kienu ser jibdew bix-xogħol normali tagħhom, dawn ġew mgħarrfa li ser ikollhom jgħallmu klassi tal-primarja fi skola differenti lejliet li bdiet is-sena skolastika. Però n-nuqqas ċar ta’ ppjanar minn naħa tal-Ministeru ma kienx biżżejjed, u ħasbu wkoll li kienu ser jagħmlu sarima ma’ ħalq il-Union li tirrappreżenta lil dawn l-edukaturi b’mandat il-qorti sabiex ma jkunux jistgħu jiddefendu rwieħhom.
Il-qorti llum qalet ċar u tond li l-MUT għandha d-dritt li tkompli b’dan ix-xogħol importanti sabiex tħares l-interessi tal-edukaturi.
Apparti dan, dak li seħħ illum m’għandux jiġi ċċelebrat mill-MUT biss iżda mill-Unions kollha ta’ Malta. B’dan id-digriet ġie kkonfermat li Union li jkollha l-interess ġenwin tal-membri tagħha għandha d-dritt toħroġ direttivi u tieħu l-azzjonijiet tagħha skont il-liġi. L-MUT wara kollox oġġezzjonat għax ma ħassitx li qed issir ġustizzja b’mod trasparenti mal-edukaturi li ntlaqtu mid-diżorganizzazzjoni tal-Ministeru. Issa wieħed jispera li l-Ministeru jammetti l-iżbalji li saru u li jagħmel il-passi meħtieġa biex isir qbil fuq it-triq ‘il quddiem.
Fl-aħħarnett, filwaqt li x-xogħol jibqa’ kbir u li perfetti żgur li m’aħniex, ser nibqgħu naħdmu qatigħ sabiex inħarsu l-interessi tagħkom bħala membri. Għad jeżistu ħafna inġustizzji, nuqqas ta’ pjanar u ta’ riżorsi, u jeżistu ħafna sitwazzjonijiet fejn hemm lok ta’ titjib. Biss, speċjalment bid-digriet tal-qorti tal-lum, għandna nqawwu qalbna u nkomplu mexjin b’din il-ħidma tagħna.
Nirringrazzjakom tas-sostenn u għajnuna kontinwa.
Marco Bonnici
President, MUT