info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Messaġġ fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-mija u sena mit-twaqqif tal-Malta Union of Teachers

November 20, 2020 at 3:47 pm

Messaġġ fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-mija u sena mit-twaqqif tal-Malta Union of Teachers

Għażiż edukatur u membru tal-MUT,

Kieku bħal daż-żmien sena xi ħadd ġie fuqna u qalilna x’kien se jkun qiegħed jiġri matul l-2020, żgur li ma konniex nemmnuh. Fl-ewwel nofs tas-sena wasal il-COVID-19 f’pajjiżna. Għalqu l-iskejjel, b’laqgħat intensivi min-naħa tal-MUT mal-employers kollha f’dinja li nbidlet ta’ taħt fuq fi ftit ġimgħat. Kellna xhur ta’ tagħlim mid-dar, b’sitwazzjonijiet u issues kemm ta’ saħħa u anki edukattivi li qatt ma konna noħolmu bihom qabel. Wara s-sajf imbagħad kellna sitwazzjonijiet differenti u probabilment diffiċli aktar meta beda joqrob iż-żmien li jiftħu l-iskejjel. Bħala MUT imbuttajna u għaġġilna kemm flaħna, mill-jum li fihom tħabbru l-protokolli, sabiex jittieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Il-ħsieb tagħna wara dan dejjem hu l-ħarsien tal-edukaturi membri l-ewwel u qabel kollox, u fl-istess ħin ukoll għall-ħarsien tal-istudenti li jiltaqgħu magħna ta’ kuljum u l-familji tagħhom.

Din kienet sena li żgur se nibqgħu niftakruha. Kellna kunċetti ġodda, bħas-social distancing, il-maskri, is-sanitizers u ħafna affarijiet oħra, li kellna nidraw ta’ malajr. L-MUT mill-bidu nett ħarġet numru ta’ direttivi f’dan ir-rigward, u nifhmu li nidhru koroh meta direttiva jew qbil ikollhom impatt li forsi ma jintgħoġobx. L-MUT, iżda, tikkunsidra kollox, speċjalment f’nofs pandemija li tillimita drastikament l-għażliet. Biss, b’wiċċna minn quddiem ngħidu li permezz tal-MUT l-edukaturi assiguraw ruħhom li waqt li l-iskejjel kienu magħluqa b’mod fiżiku, ma ntilfux impjiegi, ma ntmessewx il-pagi u l-allowances, ma tnaqqas l-ebda leave u lanqas ma kellhom jagħmlu tajjeb għal dan iż-żmien fis-sajf jew f’xi ġranet oħra. Dan fost il-ħafna assigurazzjonijiet oħra li saru wara laqgħat twal u intensivi kontinwi.

L-isfidi fix-xhur li ġejjin huma kbar. Sakemm għadna bil-pandemija kellhom jittieħdu xi miżuri temporanji mill-employers li huma ta’ inkonvenjent u li għandhom jerġgħu jiġu lura għan-normal hekk kif noħorġu miż-żmien tal-pandemija. Minn servizzi ta’ għalliema peripatetiċi sa lezzjonijiet li jiġu rrekordjati, nassiguraw lill-membri li l-MUT daħlet bi ħġarha f’dawn l-issues sabiex kemm jista’ jkun l-affarijiet isiru b’mod trasparenti u ġust. F’ċerti sitwazzjonijiet is-sikkina se taqta’ miż-żewġ naħat, u fl-aħħar mill-aħħar huwa l-employer li jiddeċiedi l-operat kif għandu jaħdem, basta fil-parametri ta’ dak li hu legalment permess u possibbli.

F’dan il-kuntest kollu tajjeb li nixtarru ftit dwar l-MUT, li twaqqfet fl-1919, ukoll f’nofs pandemija. Kienet bdiet il-mixja li mija u sena wara wasslitha għal dak li qegħdin fih illum. Bħal dak iż-żmien hemm bżonn li nkomplu naddattaw ruħna u mhux biss nikkritikaw, imma noħorġu bi proposti konkreti, b’saħħithom, innovattivi u proattivi fi żminijiet daqshekk partikolari u f’sitwazzjonijiet diffiċli bla preċedent. Nittamaw issa li dan iż-żmien iebes jgħaddi minn fuqna kemm jista’ jkun malajr u li l-edukazzjoni terġa’ lura għar-rutina normali llum qabel għada, għall-ġid tal-istudenti u l-edukaturi kollha.

Sadattant nixtiequ nħabbru li din is-sena bħala MUT iddeċidejna li m’aħniex se nagħmlu attivitajiet biex infakkru l-anniversarju tal-mija u sena mit-twaqqif tagħha. Dan mhux għax naħsbu li dan mhuwiex importanti, imma għax ir-responsabbiltà titlob li nkunu ta’ eżempju kemm fil-mod ta’ kif għandna naġixxu f’dan iż-żmien u anki sabiex nibqgħu ffukati fuq id-diffikultajiet u l-issues pendenti li għad hemm f’dawn iċ-ċirkustanzi. L-unika ħaġa li għamilna kienet li qegħedna bukkett fjuri fuq il-monument tagħna fil-Mall, il-Furjana, viċin tas-sit fejn twaqqfet l-MUT fl-1919.

Grazzi tas-sapport kollu li nsibu mingħandkom u nwegħdukom li se nkomplu nagħmlu mill-aħjar biex nirrappreżentawkom u ngħinukom fil-mixja tagħkom.

Tislijiet

Marco Bonnici – President
Elaine Germani –Viċi President Anzjan
Claudette Mintoff – Viċi President
Carmen Dimech – Segretarju Ġenerali
Christopher Vella – Assistent Segretarju Ġenerali

Comments are closed.