info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Li ma jsir xejn dwar is-sħana tremenda fil-klassijiet huwa diżrispett lejn l-edukaturi u l-istudenti

June 25, 2021 at 10:49 am

Li ma jsir xejn dwar is-sħana tremenda fil-klassijiet huwa diżrispett lejn l-edukaturi u l-istudenti

L-MUT qed tieħu nota tal-messaġġi li qed tirċievi rigward is-sħana tremenda fil-klassijiet u wasslet dawn l-ilmenti u s-suġġerimenti lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex f’isem il-membri turi t-tħassib tagħha rigward din is-sitwazzjoni insopportabbli li l-edukaturi u l-istudenti qed jiffaċċjaw. Dan is-suġġett tqajjem diversi drabi mill-MUT fis-snin li għaddew, u sfortunatament dejjem ingħata l-ġenb mill-Ministeru.

In-numru ta’ ACs fil-klassijiet madwar il-pajjiż huwa limitat ħafna. Anki l-iskejjel li nbnew fl-aħħar deċenju m’għandhomx arja kundizzjonata fil-maġġorparti tal-klassijiet, u dan juri nuqqas ta’ ħsieb fl-ippjanar. Filwaqt li estensjonijiet ġodda ta’ skejjel antiki għandhom ACs fl-estensjoni, dawn imbagħad ma ġewx installati fil-parti l-antika. F’ċertu każijiet kien hemm anki rinnovar ta’ klassijiet u ACs ma ġewx installati.

Ta’ min jgħid ukoll li l-iskejjel huma l-uniċi binjiet tal-gvern li s’issa għadhom bla arja kundizzjonata. L-uffiċini kollha tal-gvern prattikament fil-binjiet kollha issa għandhom din in-neċessità. L-MUT ttenni li dan huwa diżrispett lejn l-edukaturi, il-ħaddiema l-oħra fl-iskejjel u anki lejn l-istudenti, li jkollhom jissaportu temperaturi bi sħana tremenda ta’ barra anki ġewwa. F’dawn il-jiem it-temperaturi f’ċertu klassijiet laħqet anki s-36 grad u aktar. Dan biex ma nsemmux ukoll li s-sitwazzjoni saħansitra ġiet agħar bil-protokolli tal-pandemija, fejn irridu nħallu t-twieqi u l-bibien miftuħa u anki jintlibsu l-maskri.

Ma’ din wieħed jista’ jżid issues oħra li l-MUT ddiskutiet kemm-il darba mal-Ministeru, bħal dik ta’ nuqqas ta’ ilma adegwat għax-xorb (u mhux ilma tal-vit) f’għadd kbir ta’ skejjel. L-istess, l-iskejjel huma l-uniċi binjiet governattivi fejn isiru bċejjeċ bħal dawn.

Għaldaqstant l-MUT terġa’ ttenni li wasal iż-żmien li dan is-suġġett jittieħed bis-serjetà mill-awtoritajiet, partikolarment meta wieħed iqis li hemm diversi indikazzjonijiet li fil-futur it-temp ser ikun aktar estrem bil-bidla fil-klima. L-MUT temmen li wieħed għandu jħares lejn diversi soluzzjonijiet, inkluż investimenti f’pannelli solari fuq is-soqfa tal-iskejjel stess. Bħalma kien hemm ir-rieda fuq suġġetti bħal tas-sigurtà, fejn l-MUT għamlet diversi rappreżentazzjonijiet u fl-aħħar ittieħdu passi konkreti, l-MUT temmen li din hija prijorità oħra li l-awtoritajiet għandhom jieħdu passi dwarha minnufih.

Comments are closed.