info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
L-Università ta’ Malta tagħmel ftehim mal-UMASA waqt li għaddej każ quddiem it-tribunal industrijali: ftehim li jidher li joħloq prekarjat fl-impjiegi

February 19, 2021 at 4:20 pm

L-Università ta’ Malta tagħmel ftehim mal-UMASA waqt li għaddej każ quddiem it-tribunal industrijali: ftehim li jidher li joħloq prekarjat fl-impjiegi

Għalkemm hemm proċedura pendenti quddiem it-tribunal industrijali bejn l-MUT, l-Università ta’ Malta u l-UMASA dwar il-ftehim kollettiv tal-akkademiċi residenti f’tal-Qroqq u tal-Junior College, illum l-Università ta’ Malta, bil-barka tal-Ministru tal-Edukazzjoni, iffirmat ftehim kollettiv għall-akkademiċi residenti f’tal-Qroqq.

Dan il-ftehim jidher illi jinkludi prattika ġdida ta’ prekarjat li l-MUT qatt ma qablet magħha iżda li jidher li ġiet maqbula bejn l-Università ta’ Malta u l-UMASA. Kull min ser jiġi impjegat bħala akkademiku f’tal-Qroqq ser ikun impjegat b’kuntratt definit minkejja li għandu l-kwalifiċi kollha neċessarji. Dan il-kuntratt jista’ jiġġedded sena wara sena skont id-diskrezzjoni tal-Università u ma jsirx li hu kuntratt indefinit/tal-post jekk l-Università ta’ Malta ma tagħtix il-barka tagħha għal dan. Dan ifisser li kull akkademiku ġdid residenti f’tal-Qroqq ser ikun prekarju, u dan jimpatta mhux biss l-aspett finanzjarju tal-individwu iżda fuq is-sigurtà tal-impjieg u l-eżiġenzi familjari bħat-teħid ta’ loans mill-banek. L-MUT ma qablet qatt ma’ tali prattiċi u jidher biċ-ċar li l-Università ta’ Malta, flimkien mal-UMASA, ħakkew dahar xulxin bi ftehim mgħaġġel u medjokri u li jiddiskrimina bejn dawk li huma impjegati illum u dawk li ser jiġu mpjegati fiż-żmien li ġej. L-MUT ser tkompli ssegwi u ser tkompli tuża l-mezzi kollha sabiex tħares l-interessi tal-membri tagħha.

Comments are closed.