info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
L-MUT tikkundanna l-attentat tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li jdaħħal persuni li mhumiex edukaturi fl-iskejjel

September 30, 2021 at 10:00 am

L-MUT tikkundanna l-attentat tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li jdaħħal persuni li mhumiex edukaturi fl-iskejjel

Waqt intervent fil-midja mid-Direttur Ġenerali l-ġdid tas-Servizzi Edukattivi (DES) dwar il-kwistjoni tal-għalliema li ntbagħtu jgħallmu klassijiet tal-primarja fl-aħħar minuta minflok ma jagħtu servizzi speċjalizzati u essenzjali lill-istudenti, dan qal li (kwotazzjoni verbatim) “il-Ministeru għamel arranġamenti ukoll biex idaħħal servizzi minn barra biex jieħdu post xi servizzi li kienu jagħtu dawn l-għalliema”.

Dan juri biċ-ċar kemm il-Ministeru qed jonqos mir-rispett lejn l-għalliema, l-istess impjegati tiegħu, li investew tant ħin u flus sabiex jispeċjalizzaw fl-oqsma rispettivi tagħhom. Minflok ma jirringrazzjahom tal-ħidma sfieqa matul tant snin, il-Ministeru lest li jinqeda b’xi ħadd minn barra biex jagħmel xogħol dawn l-għalliema. Dan hu kundannabbli u huwa sintomatiku tal-paniku li jinstab fih il-Ministeru kkawżat min-nuqqas ta’ konsultazzjoni u preparazzjoni.

L-MUT mhux ser taċċetta li persuni li mhumiex għalliema jidħlu fl-iskejjel sabiex jieħdu xogħol l-għalliema li ġew trasferiti lejliet il-ftuħ tas-sena skolastika. L-MUT lesta wkoll li tieħu l-miżuri kollha jekk dan iseħħ.

Comments are closed.