August 8, 2022 at 11:01 am
L-MUT tiftaħ każ quddiem it-tribunal industrijali f’isem is-Sur Mario Mallia
L-MUT dalgħodu qed tiftaħ każ quddiem it-tribunal industrijali f’isem is-Sur Mario Mallia, sabiex issir ġustizzja fil-konfront tiegħu wara tkeċċija inġusta minn kap tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir. L-MUT qed tagħti s-sapport kollu tagħha, kemm lis-Sur Mario Mallia u anki lill-istaff tal-iskola, fejn ilkoll qed ninsistu li ssir ġustizzja miegħu. Dan kollu qed isir permezz tal-għajnuna legali li qed tingħata mill-avukati tal-MUT, Dr Keith Borg u Dr Rebecca Mercieca.
Fil-jiem li għaddew l-MUT ħadet numru ta’ passi oħra, fosthom li weġibna għall-ittri legali ta’ intimidazzjoni mir-Rettur tal-Kulleġġ fil-konfront ta’ tliet edukaturi tal-kulleġġ. Apparti dan, l-MUT għamlet ukoll tilwima industrijali, ħarġet direttivi, tat sapport fil-protesta paċifika il-ġimgħa li għaddiet, ippreżentat ittra miftuħa f’isem l-istaff u anki kkordinat laqgħa bejn l-istaff u l-Arċisqof li ser issir għada t-Tlieta.
L-MUT iżżid ukoll li apparti s-sapport kollu lis-Sur Mario Mallia, il-union ser tkompli ukoll fix-xogħol tagħha sabiex isir żblokk fis-sitwazzjoni tal-kulleġġ li kull ma jmur qed issir aktar serja u bla preċedent.