info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
L-MUT tiffirma l-Ftehim Kollettiv għall-istaff akkademiku fil-Junior College Università ta’ Malta

November 7, 2022 at 1:10 pm

L-MUT tiffirma l-Ftehim Kollettiv għall-istaff akkademiku fil-Junior College Università ta’ Malta

Illum ġie ffirmat il-Ftehim Kollettiv bejn il-Malta Union of Teachers u l-Università ta’ Malta għall-istaff akkademiku fil-Junior College. Dan il-ftehim ikompli jistabbilixxi l-istatus tal-letturi tal-Junior College b’titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pakkett finanzjarju. Dan kien ftehim fejn l-MUT insistiet li l-istatus tal-letturi tal-Junior College, bħala akkademiċi fi ħdan l-Università ta’ Malta, ma jkunx mittiefes. Anzi jkompli jissaħħaħ.

Tajjeb li llum niċċelebraw dan il-ftehim. Iżda tajjeb ukoll li ma ninsewx minn xiex kellna ngħaddu sabiex wasalna sa hawn. Tliet snin u nofs ta’ negozjati, tilwim u azzjonijiet industrijali, problemi ta’ recognition li bħal ma nafu wassal għal vot li kien unanimu għall-MUT, każ quddiem it-tribunal industrijali u ħafna aktar. Dan il-ftehim imur lura għall-2019 u jiskadi fl-aħħar tal-2023. Għaldaqstant, fl-aħħar tas-sena d-dieħla ser inkunu qed nerġgħu nibdew inħarsu lejn il-ftehim li jmiss.

L-MUT tixtieq tirringrazzja lill-uffiċjali tagħha li kienu fuq il-mejda tan-negozjati, jiġifieri Marco Bonnici, Elaine Germani, Claudette Mintoff, Chris Vella u Fr Jose Debono. Tirringrazzja wkoll lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Onor. Clifton Grima, u s-Segretarju Permanenti, is-Sur Matthew Vella, lill-President tal-Kunsill tal-Università ta’ Malta l-Perit Karmenu Vella, lir-rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Alfred Vella, lill-Prinċipal, is-Sur Paul Xuereb, lill- amministrazzjoni tal-Università u lill-IRU li huwa l-uffiċċju tan-negozjati industrijali fi ħdan il-gvern. Fl-aħħarnett l-MUT tirringrazzja lilkom il-membri tal-appoġġ u s-sostenn.

Stqarrija konġunta bejn l-MUT u l-Ministeru għall-Edukazzjoni hawn:
Iffirmat il-Ftehim Kollettiv mal-Malta Union of Teachers għall-istaff akkademiku fil-Junior College: Titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol

L-Ewwel ftehim esklussiv mill-Malta Union of Teachers f’isem l-istaff akkademiku fil-Junior College kien iffirmat illum, ftehim li huwa titjib sostanzjali fil-pakkett finanzjarju u l-kundizzjonijiet tax-xogħol filwaqt li ġie ntrodott ukoll Qualification Allowance għal staff li jkollhom Ph.D jew it-tieni, jew s-sussesgwenti kwalifika ta’ Masters.

Permezz tal-ftehim ġie rikonoxxut il-Masters in Teaching and Learning bħala kriterju fir-reklutaġġ ta’ Junior College Assistant Lecturer, Junior College Lecturer kif ukoll Junior College Senior Lecturer I.

Il-ftehim jaħseb ukoll biex ikun hemm tnaqqis fis-snin ta’ servizz meħtieġa biex l-istaff akkademiku tal-Junior College jipprogressa minn Assistant Lecturer ghal Lecturer kif ukoll għal Senior Lecturer 1. Dan filwaqt li l-Academic Enhancement Leave se jara tnaqqis ta’ aggregate ta’ 8 snin servizz.

“Nagħrfu li s-sewwieqa tat-tagħlim li jwassal għas-suċċess ta’ wliedna huma l-edukaturi, għalhekk l-aqwa investiment li nistgħu nagħmlu f’pajjiżna, kif qed naraw permezz ta’ dan il-Ftehim Kollettiv, huwa s-sostenn li qed nagħtu lill-edukaturi tagħna. Sostenn li se narawh ukoll fil-Ftehim Settorali għall-edukaturi li se jibda jiġi diskuss mal-Malta Union of Teachers f’Jannar li ġej”, qal il-Ministru Clifton Grima.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li b’dan il-ftehim is-Servizz Pubbliku qed ikompli jinvesti fil-ħaddiema, b’dan ikun it-12-il ftehim kollettiv li s-Servizz Pubbliku kkonkluda fl-aħħar ħames xhur. Dan il-ftehim jissimplifika kif akkademiku jista’ jkompli javvanza fil-karriera tiegħu, kif ukoll tagħraf l-isforzi tal-istaff meta tinkiseb PhD jew it-tieni Masters permezz ta’ Qualification allowance.

Il-President tal-Malta Union of Teachers, Marco Bonnici, sostna li l-ftehim huwa rikonoxximent għall-ħidma sfiqa tal-letturi fil-Junior College bħala akkademiċi; u permezz tiegħu l-Università ta’ Malta qed tkompli tqis lil-letturi bħala l-protagonisti fit-tagħlim tal-istudenti mill-Matrikola sal-kisbiet tal-kwalifiċi fil-livelli kollha.

Il-ftehim intlaħaq wara perjodu ta’ diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha nvoluti, u jkopri snin mill-2019 sal-aħħar tas-sena 2023.

“Dan il-ftehim kollettiv huwa xhieda tal-importanza li l-Università ta’ Malta tagħti lil Junior College li kull sena jipprepara mijiet ta’ studenti sabiex ikomplu bl-istudji tagħhom f’livell terzjarju. Nixtiequ l-aħjar għalihom f’din il-parti sensittivia’ tal-vjaġġ edukattiv tagħhom”, qal ir-Rettur Alfred J. Vella.

Il-ftehim kien iffirmat minn Marco Bonnici, Elaine Germani, Claudette Mintoff, Christopher Vella u Fr Jose Debono min-naħa tal-MUT u Alfred J. Vella u Karmenu Vella min-naħa tal-Università ta’ Malta.

Comments are closed.