info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
L-MUT teskala l-azzjonijiet industrijali fl-Università ta’ Malta Ġ.F. Abela Junior College

January 24, 2022 at 9:57 am

L-MUT teskala l-azzjonijiet industrijali fl-Università ta’ Malta Ġ.F. Abela Junior College

Wara sitt ijiem ta’ direttivi lil-letturi tal-Università ta’ Malta Ġ.F. Abela Junior College, il-Malta Union of Teachers issa qed teskala l-azzjonijiet industrijali bi strajk ta’ sagħtejn illum it-Tnejn l-24 ta’ Jannar, kif ukoll bi strajk ta’ ġurnata għada t-Tlieta l-25 ta’ Jannar. Din l-azzjoni qed isseħħ minħabba n-nuqqas ta’ konklużjoni tal-ftehim kollettiv għal-letturi li jgħallmu l-Junior College.

Il-ftehim kollettiv skada f’Diċembru tal-2018, u tliet snin wara, l-Università ta’ Malta u l-Gvern għadhom ma wrewx ir-rieda tajba li jikkonkludu n-negozjati sabiex jidħol fis-seħħ ftehim ġdid. Huwa ċar li l-Università qed tipprova tuża l-instabbiltà tal-aħħar snin fil-Ministeru tal-Edukazzjoni bil-bidla ta’ erba’ Ministri, kif ukoll il-pandemija, sabiex tkompli toħloq aktar dewmien.

Madankollu, wieħed ma jridx jinsa li l-istess Università ħaffet meta ġiet biex tikkonkludi ftehimiet oħra. Dan juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ stima li t-tmexxija tal-Università għandha lejn il-letturi impjegati tagħha li jagħtu servizz fil-Junior College. L-Università ilha avżata b’din is-sitwazzjoni minn Awwissu li għadda, meta l-MUT iddikjarat tilwima industrijali.

Tajjeb li jingħad ukoll li matul din l-aħħar ġimgħa kien hemm tentattivi mill-Ministru l-ġdid sabiex is-sitwazzjoni tiġi żblukkata. Dawn it-tentattivi, iżda, ma ħallewx frott minħabba r-ras iebsa ta’ xi wħud. L-MUT issostni li, bħalma għamlet fi ftehimiet preċedenti, mhix ser iċċedi qabel ma tara li l-letturi jingħataw l-għarfien mistħoqq permezz ta’ ftehim kollettiv gdid. Dan lesta li tagħmlu, ġaladarba m’hemmx toroq oħra li bihom tasal b’diskussjoni madwar mejda, b’kull mod ieħor li hemm bżonn bħala trade union. Għaldaqstant, jekk l-azzjonijiet fis-seħħ mhux ser jagħtu l-frott meħtieġ, l-MUT lesta li tkompli għaddejja b’azzjonijiet oħra f’waqthom b’konsultazzjoni mal-membri.

Comments are closed.