March 1, 2018 at 11:09 am
L-MUT tagħti d-dettalji dwar il-każ issa li s-Sentenza tal-Qorti Nqatgħet
Issa li l-każ inqata’ mill-qrati Maltin, li hu ta’ min ifaħħar għall-mod kif ġie konkluż f’perjodu qasir ta’ żmien, il-Malta Union of Teachers (MUT) qed tagħti d-dettalji dwar l-aggressjoni fil-konfront tal-Kap tal-Iskola Primarja tal-Birgu hekk kif seħħet nhar it-Tlieta 27 ta’ Frar 2018. Dan qiegħed isir biex, skont ix-xewqa tal-Kap tal-Iskola, li hija membru attiv fil-Kunsill tal-MUT, il-verżjoni tkun dik korretta hekk kif ġiet ikkonfermata mill-istess Kap tal-iskola.
Ftit wara l-għaxra ta’ filgħodu, il-Kap tal-Iskola Ms Lorna Schembri kienet bilqiegħda titkellem fuq it-telefown fl-uffiċċju tagħha meta rat persuna tistenna barra mill-uffiċċju, u b’hekk qalet lill-Assistent Kap biex tara x’riedet. Din il-persuna daħlet fl-uffiċċju u qalet biss li kienet in-nanna ta’ student (semmiet isem it-tifel). Minnufih il-persuna tenniet il-kliem ‘Ħadd ma jgħajjat mat-tifel’ u mingħajr ma tat ċans lil Ms Schembri li tipprova tifhem u twieġeb, qabditha minn xagħarha u kaxkritha għal mal-art fejn filwaqt li baqgħet iżżommha minn xagħarha, bdiet ittiha ħafna daqqiet bil-ponn u bis-sieq.
Membru tal-SMT (management tal-iskola) u kif ukoll il-handyman intervjenew sabiex iwaqqfu lill-aggressur, li wara ġiet skortata barra mill-bini. Intalbet ukoll l-assistenza tal-pulizija filwaqt li minnufih ġiet ukoll l-ambulanza li ħadet lil Ms Schembri l-isptar minħabba ġrieħi u uġieħ. Hi ħarġet mill-isptar dakinhar filgħaxija wara sensiela ta’ testijiet u wara li ingħatat il-kura medika. Ms Schembri sostniet mal-Union li hi ma tafx lill-aggressur filwaqt li kemm hi u kemm l-edukaturi dejjem ħadu ħsieb lill-istudent konċernat. Għaldaqstant hi ma tistax tifhem x’wassal għal din l-aggressjoni.
Ms Schembri irringrazzjat lil kull min kien ta’ sostenn f’dawn il-jiem, inkluż il-membri tal-istaff, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ufficcju tal-Prim Ministru, lill-Pulizija u t-tim mediku li assistiha, u lill-mijiet ta’ nies li kkuntattjawha u bagħtulha messaġġi ta’ solidarjeta’. L-MUT tawgura fejqan ta’ malajr lil Ms Schembri u ttenni s-sostenn kollu tagħha sabiex Ms Schembri tkun tista’ tkompli bil-ħidma siewja tagħha fil-qasam edukattiv. Fl-aħħar nett il-Union tieħu din l-opportunita’ sabiex terġa’ ttenni l-appell tagħha lill-awtoritajiet sabiex ma jibqgħux jieħdu kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurta’ fl-iskejjel b’dan il-mod leġġer u ma jħallux dawn il-każijiet, li sfortunatament qed isiru aktar komuni, li jseħħu aktar fl-iskejjel tagħna.