March 3, 2018 at 11:16 am
L-Edukaturi fis-Soċjetà Tagħna
Artiklu li deher fuq L-Orizzont illum 3 ta’ Marzu 2018
Regolarment l-edukaturi qegħdin jiġu affaċċjati b’numru ta’ sitwazzjonijiet fejn qed ikollhom jiddefendu lilhom infushom minħabba artikli u aħbarijiet li jidhru fil-mezzi tax-xandir. Din il-ġimgħa stess kellna numru minn dawn, fejn is-sensazzjonaliżmu sfortunatament jirbaħ fuq id-dettalji meta wieħed janalizza sew is-sitwazzjoni kif verament inhi. Dawn huma xi eżempji li ltqajna magħhom din il-ġimgħa stess, li għalkemm jafu jidhru banali għal xi wħud huma sintomi ta’ sistema li fiha l-edukatur irid dejjem joqgħod jiġġieled kontra l-kurrent biex jidher fid-dawl tal-fatti kif inhuma jew jieħu dak li ħaqqu.
Riċerka dwar il-ħajja professjonali tal-għalliema
Kellna l-ewwel nett riċerka li turi, fost l-oħrajn, li numru mdaqqas ta’ għalliema lesti jitilqu mill-klassi jekk ikollhom opportunitajiet oħra. F’dan il-każ ma ntqalux diversi affarijiet pożittivi li hemm fl-istess rapport. Apparti hekk, u f’ċertu każi anki b’mod qarrieq intqal bil-kontra, dan l-istudju sar qabel il-Ftehim Settorali li ġie ffirmat f’Diċembru tal-2017. Mhux talli hekk, iżda talli l-persuni wara dan l-istudju qalu wkoll li l-ftehim settorali innifsu għandu jqanqal bidliet pożittivi fil-mod ta’ kif l-għalliema għandhom jipprogressaw fil-karrieri u għandu jattira aktar nies lejn din il-professjoni nobbli. F’dan il-kuntest, l-MUT temmen li għad hemm ħafna aktar xi jsir u l-firma fuq il-Ftehim Settorali hija biss il-bidu ta’ paġna li għalkemm mhux kulħadd qiegħed jaraha, fiha ħafna miżuri li kif jiġu implimentati ser iħallu impatt pożittiv. L-MUT ser tkompli ssegwi mill-qrib ir-rakomandazzjonijiet li ħarġu billi l-ewwel nett tpoġġi bilqiegħda u tinvolvi l-esperti tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, li uħud minnhom kitbu jew kienu involuti f’dan ir-rapport stess.
Btala żejda?
Suġġett ieħor li l-edukaturi irritaw ruħhom bir-raġun hija l-aħbar fejn intqal li “L-għalliema se jingħataw ġurnata leave f’April” wara li l-Ministru għall-Edukazzjoni qal li l-għalliema fl-iskejjel tal-Gvern se jingħataw ġurnata leave addizzjonali fil-5 ta’ April. Li ħafna ma tawx każ iżda, hi li fil-Parlament intqal ukoll li din se tagħmel tajjeb għal ġurnata leave li ngħataw il-ħaddiema l-oħra kollha għal dawk il-festi li jaqgħu fil-weekend. Dan ifisser li mhux talli ser joħodha kulħadd u mhux l-edukaturi biss, iżda li l-ħaddiema kollha taċ-ċivil ħlief aħna l-edukaturi jistgħu jagħżlu meta jridu biex joħduha. Dan ir-rapport, sensazzjonali u kważi qarrieqi, wassal biex ħafna jiktbu inġustament kontra l-edukaturi fil-mezzi soċjali.
Sigurtà fl-iskejjel
Din il-ġimgħa nzertat ukoll dik fejn kellna l-każ tal-Kap tal-Iskola li ġiet aggredita minn qarib ta’ student. Mingħajr ma nidħlu fid-dettalji tal-każ, li l-MUT segwiet mill-qrib, infakkru li dan m’huwiex l-ewwel wieħed imma biss l-aħħar wieħed minn numru ta’ każijiet simili. Wara ftit ġranet ta’ sensazzjonaliżmu mill-media issa kollox jintesa u nerġgħu inkomplu fejn ħallejna, jiġifieri bi skejjel fejn is-saħħa u s-sigurtà m’hijiex prijorità. Appelli saru kemm-il darba u nisperaw li azzjoni tittieħed minnufih qabel ma, allaħares qatt, tinqala’ xi storja tinkiteb. L-MUT m’hijiex ser tieqaf taħdem f’dan ir-rigward qabel ma jkollna kultura li fiha l-kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fl-iskejjel jingħataw il-prijorità li jistħoqqilhom u każijiet bħal ta’ din il-ġimgħa ma jseħħux aktar fl-iskejjel tagħna u jkunu xi ħaġa tal-passat.
Aċċident mhux relatat mal-edukazzjoni
Kellna wkoll il-każ tal-persuna, li nzertat għalliema, li kienet involuta fl-aċċident tat-traffiku fejn din il-ġimgħa tnaqsitilha s-sentenza u issa ingħatatilha waħda sospiża. F’dan il-każ l-istess, m’aħniex ser nidħlu fil-mertu tal-każ iżda ser insemmu l-fatt li l-mezzi tax-xandir donnhom jieħdu pjaċir jenfasizzaw li l-persuna hija għalliema minkejja li jidher ċar li l-każ m’għandu x’jaqsam xejn mal-professjoni.
Il-każ tal-MCAST
Apparti dan kollu riċentement kellna wkoll każijiet bħal dik tal-MCAST u l-iżvilupp kontinwu ta’ din l-istorja, fejn l-MUT kienet fl-aħbarijiet diversi drabi wara li kien ser jitneħħielha saħansitra d-dritt li turi d-diżapprovazzjoni tagħha b’azzjonijiet leġittimi industrijali wara li n-negozjati ma wasslu għal imkien. Kull darba li ħarġet aħbar kont issib numru ta’ persuni li b’kummenti dispreġjattivi juru biċ-ċar li ma jixtiqux li dawn l-edukaturi jkollhom pakkett ta’ kundizzjonijiet li jixraq lil min qiegħed jgħallem fuq livell kemm ta’ Diploma, Degree u anki Masters.
L-Irwol tal-MUT f’dan kollu
Fil-kuntest ta’ dan kollu, irridu nagħrfu li l-edukaturi għandhom rwol ċentrali fis-soċjetà tagħna u li jekk irridu li l-pajjiż jimxi l-quddiem hemm bżonn li l-edukaturi jkunu protagonisti sabiex dan iseħħ. L-isfidi huma kbar u l-MUT ser tkompli tintervjeni fil-fora kollha neċessarji, kemm jekk fuq bażi personali ta’ membru wieħed tagħha, kemm abbażi ta’ rappreżentazzjonijiet f’isem gruppi ta’ edukaturi differenti u anki f’diskussjonijiet ma’ msieħba soċjali, awtoritajiet, negozjati, fil-mezzi tax-xandir u kull fejn hemm bżonn. Li l-edukaturi jkollhom vuċi li titkellem f’isimhom kull fejn hemm bżonn hija, u tibqa’, essenzjali biex is-soċjetà tifhem li aħna organizzati biex inkunu ta’ servizz għal xulxin, nagħtu l-aħjar servizz professjonali fix-xogħol tagħna u ninsistu fuq dak li ħaqqna u jistħoqqilna. Apparti dan, li jkun hemm Union waħda li fiha l-edukaturi jkunu magħqudin huwa mportanti għaliex qasma fil-professjoni tkun ta’ dannu kbir u m’hi ser isservi għal xejn ħlief biex terzi jgawdu minn fuq din il-firda.