August 27, 2019 at 12:25 pm
Kjarifika dwar il-bidla fil-Kindergarten 1 minn Settembru 2019
L-MUT qed tagħti l-kuntest rigward il-bidla fil-Kindergarten sabiex il-membri jkunu aġġornati bl-informazzjoni korretta minn min kien, u għadu, jirrapreżenta l-interessi tal-edukaturi kollha.
Qabel ma’ tkomplew in-negozjati tal-ftehim settorali mill-amministrazzjoni tal-MUT preżenti, il-mudell li kien qed jiġi diskuss kien dak ta’ Classroom Assistant. Dan kien ser ifisser li kien ser jinħoloq grad differenti u dawk biss li jkollhom degree fl-inklużjoni kienu ser ikunu eliġibbli filwaqt li kien ser ikun limitat biss għal dawk li jagħtu s-sapport fil-klassi. L-MUT ma qablitx ma’ dan u wara diskussjonijiet twal u konsultazzjoni ġie maqbul li l-Classroom Assistant bħala grad ma jinħoloqx. Dan wassal sabiex minflok inħoloq l-LSE3, li huwa grad li kull LSE jista’ jilħaq. Dan ifisser li kull LSE, minn supply sa LSE3, jista’ jieħu kemm studenti one-to-one, shared, shared same class u kif ukoll issa jkun mal-klassi bħala Class Support.
Il-ftehim li l-LSE jkun mal-klassi skont in-numru ta’ studenti kellu jidħol mill-Kindergarten 1 f’Settembru 2019 u jibqa’ tiela sena wara l-oħra sal-Primarja. L-għajnuna għal studenti one-to-one ma nbidlitx u ma kien hemm l-ebda tibdil fis-Sekondarja. Bħal ma jiġri dejjem meta jkun qiegħed jiġi implimentat ftehim, l-MUT kellha taħdidiet mad-Direttorat responsabbli mis-servizzi edukattivi sabiex ikun hemm qbil dwar l-implimentazzjoni. Dan ghaliex kull ftehim idaħħal il-prinċipju iżda d-dettalji jridu jkun maqbula separatament qabel l-implimentazzjoni.
Ġara, iżda, li l-laqgħat mad-Direttorat imsemmi, fl-aħħar xhur, ma wasslux sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-implimentazzjoni. Flok ma tkomplew id-diskussjonijiet sabiex jintlaħaq il-qbil, id-Direttorat imsemmi telaq għal rasu u ħareġ żewġ Ċirkularijiet sabiex jibda bl-implimentazzjoni, waħda għall-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Istat u l-oħra għall-ġenituri tat-tfal li ser jattendu l-Kinder 1. L-MUT ipprotestat dwar dan u ħarġet żewġ komunikazzjonijiet sabiex tinforma lill-membri dwar dan (aqra HAWN u HAWN). Wara dawn il-komunikazzjonijiet, il-Ministeru għall-Edukazzjoni aċċetta li jiddiskuti mal-MUT sabiex tinstab soluzzjoni. Id-diskussjonijiet ser ikomplu aktar tard din il-ġimgħa.
Minħabba miżinformazzjoni li ħarġet minn min għandu l-għan li jqarraq, din hija l-pożizzjoni tal-MUT:
1. Sabiex taħdem is-sistema, għandek bzonn iżjed LSEs u mhux inqas. Stimi inizzjali juru li l-iskejjel tal-istat jeħtieġu 100 LSE aktar sabiex is-sistema tidħol fil-Kinder 1 biss. Dan ifisser li s-sistema ma twassalx għal redundancy.
2. Peress li l-popolazzjoni fil-Kinder u l-Primarja hija pjuttost stabbli, dan ifisser li mhux ser jibqa’ tibdil kbir fin-numru ta’ LSEs meħtieġa kull sena, li jfisser li ser jonqsu t-transfers minn skola għall-oħra minħabba nuqqas ta’ studenti bi statement.
3. Il-KGE ma jistax jagħmel IEP fl-assenza ta’ LSE u għalhekk referenza li tniżżlet fiċ-Ċirkulari tad-Direttorat hi żbaljata.
4. Fejn sa llum fil-Kinder il-proċess ta’ statementing jieħu ż-żmien, bir-riżultat li LSEs idumu ma jiġu assenjati fil-klassijiet tal-kinder, din is-sistema ser tfisser li numru ta’ LSEs ser ikunu fil-kinder irrispettivament mill-proċess ta’ statementing.
5. Il-bidla fl-istatement ma tfissirx li dak kollu maqbul dwar l-istatementing ġie mħassar. Hemm numri stipulati ta’ kemm ikun hemm studenti bi statement mal-LSEs u kemm ikun hemm LSEs fil klassi u dawn iridu jiġu rispettati.
L-MUT ser tkun qed tkompli tinforma lill-membri dwar l-iżviluppi f’din il-kwistjoni u ser tinsisti li l-implimentazzjoni tal-ftehim issir bi qbil magħha kif sar dejjem.