info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Ir-rivista Sagħtar tagħlaq 50 sena minn meta bdiet tiġi ppubblikata

May 28, 2021 at 1:14 pm

Ir-rivista Sagħtar tagħlaq 50 sena minn meta bdiet tiġi ppubblikata

Fondazzjoni Sagħtar, fi ħdan il-Malta Union of Teachers, qed tfakkar il-50 sena minn meta bdiet tkun ippubblikata r-rivista Sagħtar. Din ir-rivista, tant maħbuba mit-tfal għal ħafna snin, ikkontribwiet għall-ħolqien ta’ kitba tajba u qari ta’ kwalità bil-Malti għall-istudenti Maltin u Għawdxin. F’ċelebrazzjoni li tfakkar dan l-anniversarju, li fiha attendew l-Onorevoli Prim Ministru ta’ Malta Dr Robert Abela, il-Ministru tal-Edukazzjoni l-Onorevoli Justyne Caruana, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni u l-Isport l-Onorevoli Clyde Puli flimkien ma’ numru ta’ persuni distinti, ġew inawgurati ħarġa speċjali tar-rivista flimkien ma’ esebizzjoni permanenti f’forma ta’ mural b’viżwal li hu wirja tal-edizzjonijiet kollha passati tar-rivista.

Ir-rivista Sagħtar bdiet fl-1971 mill-Moviment Qawmien Letterarju. L-idea tagħha ħarġet mill-“Kampanja Lsien Malti” li kellu l-moviment dak iż-żmien, li kellha l-iskop li trawwem sens ta’ identità lokali fil-Maltin. Riedu juru, fost l-oħrajn, li bil-Malti tista’ tfisser ruħek f’kollox, anki b’mod artistiku. Għat-titlu tar-rivista, fi kliem il-mibki Oliver Friggieri, li kien parti mit-tim mill-bidu nett, riedu “kelma Maltija safja iżda mhux stramba, fiha l-ġmiel tal-ħoss u tevoka l-fwieħa ta’ ħaxixa li tiżgħed fi gżiritna”. Fl-1976, imbagħad, is-Sagħtar għadda f’idejn l-MUT, li l-moviment raha bħala entità li setgħet issaħħaħ u tkabbar ir-rivista. Hija baqgħet tiġi stampata kull sena apparti f’perjodu qasir bejn l-2015 u l-2020, meta l-MUT ħasset li kien hemm bżonn eżerċizzju ta’ ristrutturar. Fl-2020 l-MUT waqqfet fi ħdanha Fondazzjoni Sagħtar, biex tieħu ħsieb ir-rwol professjonali tal-Union, inkluża din ir-rivista. Ir-rivista issa qed toħroġ f’żewġ formati, dak stampat u anki f’verżjoni diġitali fil-portal tal-Fondazzjoni – saghtar.org.mt. Il-Fondazzjoni tellgħet ukoll f’verżjoni diġitali r-rivisti l-antiki kollha mill-bidu nett, flimkien ma’ stejjer u artikli moqrija li wieħed jista’ jismagħhom mill-istess sit. Ir-rispons kien sabiħ ħafna, bin-numru li rreġistraw fil-portal s’issa jitla’ ’l fuq minn 5,200 persuna.

Waqt attività fil-kwartieri tal-Malta Union of Teachers, il-Ħamrun, biex tfakkar dan l-anniversarju, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela tkellem dwar kif anke hu bħala student kien jistenna dan il-magażin u enfasizza kif is-Sagħtar minn dejjem kellu valur edukattiv.

“Imbagħad hemm il-valur tal-letteratura Maltija. Il-mod kif dan il-magażin tat-tfal jaf il-bidu tiegħu lill-ġganti tal-Moviment Qawmien Letterarju, qabel imbagħad għamlitu tagħha l-Union tal-Għalliema meta l-moviment ma baqax daqstant attiv. Għal dan u ħafna raġunijiet oħra hu sabiħ li llum qegħdin hawn bis-Sagħtar f’idejna 50 sena wara l-ewwel pubblikazzjoni,” qal il-Prim Ministru Robert Abela, li radd ħajr lill-Union tal-Għalliema għax-xogħol tagħha biex ittejjeb l-esperjenza edukattiva tal-istudenti.

Il-President tal-MUT is-Sur Marco Bonnici saħaq li “Fondazzjoni Sagħtar ippermettiet lill-MUT sabiex tkompli ssaħħaħ l-irwol doppju tagħha bħala organizzazzjoni trejdjunjonistika kif ukoll professjonali. L-isfidi trejdjunjonistiċi ma waqfux. Bħalma lkoll nafu kellna sena diffiċli f’ħafna aspetti u konna ffukati fuq issues importanti tal-membri tagħna u tas-soċjetà kollha. Biss, nieħu pjaċir ngħid li mil-lat professjonali l-Fondazzjoni kompliet tiżviluppa b’numru ta’ proġetti ġodda edukattivi, inkluża propju r-rivista Sagħtar, pubblikazzjonijiet u attivitajiet oħra. Dan jawgura tajjeb għas-snin li ġejjin, meta ser ikun qed jidher iktar il-frott tax-xogħol kollu li jsir minn wara l-kwinti.”

Fid-diskors tagħha s-Sa Elaine Germani, Chairperson ta’ Fondazzjoni Sagħtar u Viċi President Anzjan tal-MUT, qalet li mit-twaqqif tagħha sena ilu l-Fondazzjoni ħadmet qatigħ fuq diversi fronti imma b’għan wieħed. Dan huwa t-tixrid ta’ materjal edukattiv kemm għall-edukaturi u b’mod speċjali għall-istudenti. Fost il-proġetti hemm din ir-rivista, proġett ġdid bil-format li addottajna li fl-istess ħin għandu storja kbira li trid tiġi ċċelebrata u mfakkra. “Kif dejjem ngħid, is-Sagħtar mhuwiex sempliċi rivista imma huwa patrimonju kulturali Malti li għandu bżonn jibqa’ jiġi indukrat billi jiġġedded u jibqa’ relevanti. Ta’ dan ma jistax jonqos li nirringrazzjaw lil mijiet ta’ persuni li kkontribwew fih b’diversi modi matul is-snin kollha li fihom ġiet ippubblikata r-rivista, fosthom bil-kitba, bl-illustrazzjonijiet, fil-bord editorjali, fl-amministrazzjoni, fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni, bħala rappreżentanti fl-iskejjel, l-edukaturi li mexxew il-kelma mal-istudenti, u kull min xtrah u qrah matul is-snin.”

Aktar informazzjoni dwar ir-rivista tinsab fis-sit www.saghtar.org.mt.

Comments are closed.