info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Implimentazzjoni bla kunsiderazzjoni u ħsieb – ifallu d-diskussjonijiet

September 23, 2020 at 12:04 pm

Implimentazzjoni bla kunsiderazzjoni u ħsieb – ifallu d-diskussjonijiet

Wara diversi ġimgħat ta’ diskussjonijiet intensivi bejn l-MUT u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-MUT waslet f’pożizzjoni li tiddikjara li d-diskussjonijiet fallew. Dan hu dovut għall-fatt li l-Ministeru ripetutement qiegħed jimplimenta miżuri fl-iskejjel li m’humiex dawk li ġew diskussi filwaqt li jinjora jew jara kif ser idur bla ma jwieġeb b’mod effettiv mijiet ta’ mistoqsijiet li għadhom m’humiex imwieġba partikolarment dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà.

Huwa ċar li l-implimentazzjoni ta’ miżuri dwar is-saħħa u s-sigurtà u l-aspett kurrikulari qed isiru mingħajr kunsiderazzjoni u ħsieb, u dan ifisser li kemm is-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi, l-istudenti u l-familji kif ukoll l-aspett kurrikulari qed jiġu kompromessi. L-MUT iddiskutiet diversi soluzzjonijiet mal-Ministeru matul dawn l-aħħar ġimgħat u xi wħud minnhom diġà ġew maqbula u kkomunikati. Ġara, iżda, li b’mod ripetut dak li qed jiġi implimentat mhux dak li ġie diskuss. Eżempji jinkludu t-timetables fis-sekondarja, il-miżuri dwar edukaturi ikkunsidrati ‘high risk’ u s-superviżjoni. Minn naħa l-oħra, mbagħad, għad hemm wisq affarijiet u mistoqsijiet pendenti mhux imwieġba mill-Ministeru. Dan qiegħed iwassal sabiex il-Ministeru ħoloq inċertezza kbira fis-settur li iżjed ma jgħaddi ż-żmien qiegħed ikompli juri b’mod ċar li l-preparazzjonijiet bdew tard ħafna u issa jinstabu fi stat ta’ paniku assolut.

Għaldaqstant l-MUT ser tlaqqa’ l-kunsill tagħha b’urġenza aktar tard illum.

Comments are closed.