info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Il-programm ‘My Journey’ jqajjem tħassib serju dwar is-sostennibiltà u l-effetti fuq is-sistema edukattiva

December 5, 2018 at 11:27 am

Il-programm ‘My Journey’ jqajjem tħassib serju dwar is-sostennibiltà u l-effetti fuq is-sistema edukattiva

L-introduzzjoni tal-programm ‘My Journey’ mis-sena skolastika li ġejja qed twassal għal tħassib serju dwar is-sostennibiltà u l-effetti fuq is-sistema edukattiva. L-MUT qed telenka dan it-tħassib inizzjali hekk kif qed tirċievi wkoll reazzjonijiet mill-membri tagħha.

Diversi kmamar użati bħala klassijiet, jew kmamar speċjalizzati għal suġġetti oħra, issa ttieħdu sabiex saru numru ta’ workshops u kmamar għas-suġġetti l-ġodda. Dan naqqas faċilitajiet eżistenti fl-iskejjel għal suġġetti oħra bil-messaġġ ikun li suġġetti tradizzjonali għandhom inqas importanza mis-suġġetti l-ġodda.

L-introduzzjoni mis-sena d-dieħla ta’ disa’ suġġetti ġodda applikati, flimkien ma’ possibilment ħames suġġetti oħra applikati, ser jaffettwaw sew l-għażliet (options) li għandhom l-istudenti. Filwaqt li għazla iktar wiesa hija tajba, dan ser ifisser li ser ikun hemm studenti imqassmin f’aktar suġġetti bil-possibiltà li suġġetti tradizzjonali akkademiċi offruti bħala ‘options’ ser jieħdu daqqa sew. Dan jista’ jwassal sabiex ċertu suġġetti essenzjali ma jibqgħux jiġu mgħallma jew inkella jkollhom numru żgħir ħafna ta’ studenti.

Apparti dan wieħed ma jistax ma jinnutax li l-loġistika u t-‘timetables’ diġà saru kkumplikati u diffiċli ferm sabiex jitħaddmu. Iż-żieda ta’ aktar suġġetti ser twassal sabiex dan isir aktar diffiċli u f’ċertu każijiet impossibbli. Dan ser ikollu effett fuq is-suġġetti kollha u mhux biss fuq dawk ġodda.

Fl-aħħarnett l-MUT ilha x-xhur tistaqsi dwar min ser ikun qed jgħallem dawn is-suġġetti ġodda kollha. Il-kriżi ta’ nuqqas ta’ għalliema, li għadha persistenti speċjalment meta wieħed iqabbel in-numru ta’ għalliema li waslu għall-irtirar ma’ studenti li qed jitħarrġu fis-settur, ħadd minn naħa tal-awtoritajiet ma jidher li qiegħed jindirizzaha. Għaldaqstant m’hemm l-ebda indikazzjoni kif mis-sena d-dieħla ser ikun hemm żieda ta’ dawn is-suġġetti kollha b’dan in-nuqqas ta’ għalliema.

Comments are closed.