info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Il-pandemija u l-edukazzjoni

October 17, 2020 at 11:55 am

Il-pandemija u l-edukazzjoni

Gazzetta lokali talbet kumment mill-MUT dwar il-pandemija u l-edukazzjoni u hawn qed nirriproduċu t-tweġiba kompluta għall-benefiċċju tal-membri u dawk interessati:

Dwar l-online hemm ħafna li qiegħed jintqal. Ħafna huwa minnu bir-raġun u ħafna wkoll b’dispjaċir għax m’huwiex veritier. Li l-ġenituri jistennew li l-gvern, jew lill-knisja, jipprovdu edukazzjoni lil uliedhom l-MUT tistenniha, tapprezzaha u saħansitra tinkoraġġiha. Il-problemi iżda jibdew meta jiġu mgħollija l-aspettattivi u wieħed jingħata x’jifhem li ser ikun hemm servizz online għat-tfal li ma jmorrux skola fl-istess ħin waqt li l-iskejjel miftuħin. Huwa ċar li dan is-servizz qatt ma eżista u li l-workforce attwali m’hijiex biżżejjed biex dan isir. L-uniku servizz online li l-gvern ħa ħsieb huwa dak ta’ Teleskola, li waqa’ tard ukoll mill-Ministeru. Għaldaqstant l-MUT ma tistax taċċetta li l-gvern jew li l-iskejjel tal-knisja jwaħħlu fl-edukatur jew fil-union tagħhom jekk huma, bħala employer u service provider, ma ħadux ħsieb li jkun hemm sistema aċċettabbli biex jaħdmu l-online u l-iskola fiżika fl-istess ħin.

Rigward tfal vulnerabbli l-MUT għamlet proposta lill-gvern għal skola virtwali, li nisperaw li tiġi mħabbra mill-gvern dalwaqt u tibda topera mill-aktar fis. Hawn l-istess, xtaqna li l-gvern joħroġ b’idea bħal din f’Mejju jew Ġunju li għadda u mhux issa. Imma dan ma seħħx u kellha tidħol fiha l-MUT biex l-affarijiet jimxu f’dan ir-rigward. Nisperaw li l-affarijiet jiċċaċalqu fl-immedjat għall-ġid tal-istudenti.

L-MUT qed tinsisti mal-gvern sabiex jittieħdu miżuri ulterjuri stretti fil-pajjiż kollu flimkien ma’ nfurzar li jwasslu għal trażżin tal-pandemija. Dawn huma l-uniċi mezzi jekk il-gvern irid li l-edukazzjoni tibqa’ tingħata fl-iskejjel. L-esperti qaluha kemm-il darba li l-pandemija ġabet lill-gvernijiet tal-pajjiżi f’sitwazzjoni li jridu jagħżlu bejn l-intratteniment jew l-edukazzjoni. Sfortunatament il-gvern Malti jrid jagħmel l-istess għażla wkoll. Kif diġà għedna, is-service provider tal-iskejjel huwa l-gvern u hu jrid jerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. U issa l-waqt li jittieħdu – illum qabel għada.

Rigward riperkussjonijiet ta’ saħħa mentali u l-lat soċjali jekk l-iskejjel jerġgħu jagħlqu, hawn inħallu f’idejn l-awtoritajiet tas-saħħa li huma l-esperti li jiddeċiedu dwar ir-riskji tal-pandemija. Biss l-MUT qed tagħmel minn kollox biex issemma leħen l-edukaturi u l-problemi tagħhom ħalli nkunu ċerti li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu saru bil-konsapevolezza li l-awtoritajiet jafu x’qiegħed jiġri fl-iskejjel.

Comments are closed.