info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Il-ftuħ fiżiku tal-iskejjel m’għandhiex tkun l-ewwel miżura li tiġi rilaxxata – MUT

April 5, 2021 at 11:36 am

Il-ftuħ fiżiku tal-iskejjel m’għandhiex tkun l-ewwel miżura li tiġi rilaxxata – MUT

L-MUT qed issegwi l-iżviluppi dwar il-miżuri li hemm fis-seħħ u l-informazzjoni dwar ir-rilaxx ta’ miżuri. Il-union sostniet, u tibqa’ ssostni, li tirrispetta d-deċiżjonijiet dwar il-miżuri sabiex titrażżan il-pandemija hekk kif ikunu meħuda mill-esperti fl-awtoritajiet tas-saħħa pubblika. Il-union qed tinnota li qed tissemma sekwenza ta’ rilaxx, u diġà esprimiet il-fehmiet tagħha dalgħodu f’laqgħa mal-awtoritajiet tal-edukazzjoni u tas-saħħa pubblika. Ir-rilaxx tal-miżuri, bl-iskejjel ikunu l-ewwel li jiftħu b’mod fiżiku, mhux ser isib il-qbil tal-MUT. Meta sal-lum aktar minn żewġ persuni li ma jgħixux fl-istess dar ma jistgħux ikunu fuq barra flimkien, fi ftit jiem bir-rilaxx tal-miżuri jista’ jkollna ħamsa u għoxrin student u l-edukaturi tagħhom flimkien għal sitt sigħat.

L-MUT tfakkar li l-iskejjel ingħalqu meta l-varjant kien qed iwassal għal maġġoranza ta’ każi pożittivi u kemm l-iskejjel, l-edukaturi u l-familji kienu għarkuptejhom bil-każijiet, li wasslu għal mijiet ta’ studenti u familji fi kwarantina. Dan għandu jkun evitat għax kien ta’ detriment għal kulħadd, inkluż għall-edukazzjoni li ma setgħetx tingħata f’tali ċirkustanzi. Għal żmien smajna li t-teħid tal-virus fit-tfal huwa minimu ikkumparat mal-adulti. Dan issa m’għadux jingħad. L-istess għall-iskejjel miftuħin, li jwasslu għal tnaqqis ta’ każijiet pożittivi. Dan ukoll m’għadux jingħad.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-MUT titlob li l-pjan tar-rilaxx tal-miżuri jkun wieħed għaqli u li ma jpoġġix lill-edukaturi, l-istudenti u l-familji fis-sitwazzjoni li kienu ftit tal-ġimgħat ilu. L-MUT, għaldaqstant, issostni li r-rilaxx m’għandux jibda bil-ftuħ fiżiku tal-iskejjel.

Comments are closed.